Żewġt irġiel bla saqaf fuq rashom ġew akkużati b'attakk vjolenti fuq żewġ persuni oħra f'Paceville. Huma ġew imressqa aktar kmieni illum fuq każ li seħħ kmieni filgħodu l-Ħamis.
Il-maġistrat sema' kif l-pulizija ġew avviċinati minn żewġt irġiel li qalu li ġew imrażżna u msawta. Wieħed ittieħed l-isptar biex jingħata l-kura għall-ġrieħi tiegħu, filwaqt li r-raġel l-ieħor akkumpanja lill-pulizija fit-tfittxija għall-aggressuri, li nqabdu.
Kamera tas-CCTV wriet lill-wieħed mill-akkużati jagħti daqqiet ta' ponn lill-vittma għal żewġ minuti kontinwi. L-irġiel wieħed ta' 25 sena mis-Somalja u l-ieħor ta' 36 min-Niġerja ġew akkużati b’serq aggravat minn vjolenza.
Ir-raġel ta' 25 sena waħdu kien akkużat li weġġa’ ħafif lill-vittma, żammu illegalment kontra l-volontà tiegħu, kellu pussess tal-kannabis u kiser il-libertà proviżorja. Min-naħa tiegħu, il-ġuvni ta' 36 sena kien akkużat li żamm lir-raġel l-ieħor illegalment u li ġar sikkina fil-pubbliku mingħajr permess tal-pulizija.
Wieħed mill-akkużati wieġeb ħati għalkemm il-Qorti tatu żmien biex jikkunsidra u wissietu li l-akkużi kellhom sentenza ta' ħabs marbuta magħhom. Hu stqarr "ma nafx x'ġara, ma niftakarx x'ġara." Kien għalhekk li hu inżamm taħt arrest preventiv u l-każ tiegħu jiġi assenjat lil maġistrat u maħtur skont il-liġi.
L-akużat ta' 36 sena instab ħati fuq l-ammissjoni tiegħu stess u ġie kkundannat għal sentejn u 10 xhur, immultat ukoll €116.47 għall-akkuża ta’ pussess ta’ sikkina, bil-Qorti tordna li l-arma tiġi kkonfiskata.