Aġġornata | Raġel jaqla' tiri ta' arma tan-nar wara argument fl-Iklin

Żagħżugħ ta' 24 sena ġie arrestat fuq il-post

Raġel ta' 55 sena min-Naxxar, iddaħħal l-isptar wara li qala' tliet tiri ta' arma tan-nar fl-Iklin u kellu minnufih jiġi operat.

Kelliem għall-Pulizija spjega lill-midja li l-każ seħħ ftit qabel l-4:00pm meta l-Pulizija kienet infurmata li seħħet ħabta bejn żewġ vetturi.

Malli waslu fuq il-post, il-Pulizija sabu l-karozzi u ftit aktar 'l isfel sabu raġel mixħut mal-art u milqut b'tir.

Ritratt: MediaToday
Ritratt: MediaToday

Jidher li bejn l-irġiel, wara l-ħabta, inqala' argument u wieħed minnhom ħareġ arma tan-nar u spara lejn l-ieħor.

Il-Pulizija qed tinvestiga id-dinamika tal-ħabta, jekk saritx apposta jew b'inċident u jekk iż-żewġ persuni kinux jafu lil xulxin.

Ritratt: MediaToday
Ritratt: MediaToday

L-aggressur, li ġie arrestat minnufih fuq il-post, għandu 24 sena. Arma tan-nar ġiet elevata minn fuq il-post għal aktar investigazzjoni.

Il-Maġistrat tal-Għassa, Nadine Lia, wasslet fuq il-post u ħatret inkjesta. 

More in Kronaka