Malta rreġistrat l-ogħla żieda annwali fost l-ekonomiji Ewropej fil-kontribut tas-settur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu għall-Prodott Gross Domestiku fl-2025, skont l-aħħar riċerka tal-World Travel and Tourism Council.
Il-WTTC qal li l-kontribut tas-settur f’Malta żdied b’16.8%, ferm ogħla mill-medja Ewropea ta’ 2.6%.
Għall-2026, is-settur turistiku Ewropew mistenni jkompli jikber b’madwar 2.5%, minkejja l-inċertezza ġeopolitika u ekonomika.
Fuq livell globali, il-WTTC qed ibassar ukoll tkabbir ta’ 2.5% fit-turiżmu u l-ivvjaġġar matul l-2026, b’ritmu ogħla minn dak tal-ekonomija usa’.
Fl-Ewropa, in-nefqa minn viżitaturi internazzjonali mistennija tiżdied b’5.8%, filwaqt li n-nefqa fuq vjaġġar għal skopijiet ta’ divertiment mistennija tikber bi 3.1% u dik marbuta ma’ vjaġġar għan-negozju b’4.2%.
Skont il-WTTC, is-settur mistenni jikkontribwixxi madwar $4.9 biljun lill-ekonomija Maltija, ekwivalenti għal 16.9% tal-GDP, filwaqt li jsostni aktar minn impjieg wieħed minn kull ħamsa.
Iċ-ċifri tħabbru hekk kif Malta qed tospita l-WTTC Global Summit, li fih aktar minn 100 kelliem qed jiddiskutu temi bħall-investiment, il-konnettività, l-innovazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, il-ħiliet, il-forza tax-xogħol, il-kompetittività tad-destinazzjonijiet u s-sostenibbiltà.
Waqt il-ftuħ tas-summit nhar l-Erbgħa, il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li l-laqgħa toffri opportunità lil Malta biex, flimkien ma’ mexxejja internazzjonali, tiddiskuti soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi tas-settur.
Huwa semma fost il-prijoritajiet il-ħtieġa għal aktar investiment, konnettività aħjar, innovazzjoni teknoloġika, żvilupp tal-ħiliet u tkabbir sostenibbli.
Abela qal li l-ospitar tas-summit huwa wkoll opportunità għal Malta biex turi l-progress li sar fis-settur, tippreżenta l-viżjoni tagħha għall-futur u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet u mexxejja internazzjonali tat-turiżmu.
Skont il-Ministru, il-fatt li Malta qed tospita l-WTTC Global Summit jirrifletti wkoll il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni turistika internazzjonali.
Iċ-Chairman tal-WTTC Manfredi Lefebvre qal li Malta hija post adattat biex tospita s-summit minħabba l-impenn tagħha lejn is-settur.
Huwa saħaq ukoll fuq il-ħtieġa għal aktar kollaborazzjoni bejn il-mexxejja internazzjonali u għal inizjattivi ġodda li jkomplu jmexxu ’l quddiem it-tkabbir, l-investiment u l-opportunitajiet fis-settur.