Il-Kumitat ORNIS ivvota favur bidliet proposti fil-multi u l-penali taħt il-liġijiet Maltin dwar il-protezzjoni tal-għasafar, minkejja l-oġġezzjonijiet ta’ BirdLife Malta.
BirdLife Malta vvutat kontra l-proposti, filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi astjeniet u talbet li jkun hemm aktar diskussjoni. Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti vvutat favur, iżda ressqet riserva dwar reati li jinvolvu għasafar protetti elenkati fl-Iskedi 1 u 9.
Wara l-vot, issa jkun f’idejn il-Gvern li jiddeċiedi kif se jimxi.
Id-diskussjoni waslet wara li, fil-laqgħa preċedenti tal-kumitat, avukat li kien qed jirrappreżenta lill-Gvern ippreżenta l-bidliet proposti lill-membri ta’ ORNIS.
Fil-laqgħa tat-Tlieta, il-membri ntalbu jivvutaw fuq dawk il-proposti, li kienu ġew spjegati permezz ta’ ħames slides.
BirdLife Malta argumentat li qabel ma ssir votazzjoni, il-membri kellhom jingħataw it-test proprju tal-emendi legali proposti, u mhux biss preżentazzjoni fil-qosor.
L-għaqda qalet li dan ikun il-mod normali kif għandhom jiġu kkunsidrati bidliet fil-liġi.
BirdLife talbet ukoll kjarifika dwar il-pożizzjoni tal-Wild Birds Regulation Unit, speċjalment minħabba li l-unit ma kinitx preżenti fid-diskussjoni preċedenti dwar il-proposti.
Wara d-dibattitu, iċ-chairperson mexxa għall-vot u ppermetta lill-membri jorbtu l-pożizzjoni tagħhom ma’ ċerti kundizzjonijiet.
L-FKNK ivvutat favur il-bidliet iżda qalet li, f’każijiet li jinvolvu reati kontra għasafar protetti taħt l-Iskedi 1 u 9, il-Maġistrat m’għandux ikun obbligat jirrevoka l-liċenzja tal-persuna misjuba ħatja.
Minflok, il-Federazzjoni qalet li din is-sanzjoni għandha tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-Qorti skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ.
BirdLife Malta qalet li hija “diżappuntata ħafna” li l-FKNK ma insistietx biex il-multi u l-penali eżistenti għal reati kontra dawn l-għasafar protetti jibqgħu kif inhuma.
L-għaqda sostniet li bl-appoġġ tagħha għall-proposti, l-FKNK effettivament qed tappoġġja tnaqqis fil-konsegwenzi għal min jinqabad jikser il-liġi.
BirdLife qalet li dan, fil-fehma tagħha, huwa ’l bogħod minn pożizzjoni ta’ “zero tolerance” kontra l-qtil illegali ta’ speċi protetti.
Fl-istess waqt, l-għaqda nnutat li l-FKNK xorta tidher li taċċetta li t-tneħħija tal-liċenzja tibqa’ waħda mis-sanzjonijiet possibbli, anke jekk mhux waħda awtomatika.
BirdLife reġgħet saħqet li l-qtil illegali ta’ għasafar protetti għandu jitqies bħala reat ambjentali serju u li l-penali eżistenti m’għandhomx jiddgħajfu.
Hija appellat ukoll lill-Gvern biex kwalunkwe tibdil fir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi jgħaddi minn proċess adegwat ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika.
Skont BirdLife, il-Gvern għandu jqis ukoll l-obbligi internazzjonali ta’ Malta kontra l-kaċċa u l-insib illegali, fosthom dawk marbuta mal-Konvenzjoni ta’ Bern u mad-Direttiva Ewropea dwar il-Kriminalità Ambjentali.
L-għaqda qalet li dawn l-elementi ma ġewx indirizzati fid-diskussjonijiet tal-Kumitat ORNIS u talbet lill-Gvern biex ma jnaqqasx il-penali għal min jinqabad jimmira illegalment lejn għasafar protetti.