Il-Malta Union of Midwives and Nurses qed titlob li t-trattament tal-kimoterapija jkun inkluż fil-formularju tal-mediċini tal-Gvern, sabiex pazjenti bil-kanċer ma jkollhomx għalfejn iħallsu eluf ta’ ewro minn buthom jew jitolbu biex jingħataw it-trattament.
Il-proposta kienet waħda minn tlieta li l-MUMN ressqet għall-Budget li ġej waqt laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.
Il-union qed titlob ukoll li fid-Dipartiment tal-Emerġenza jkun hemm cubicles apposta għall-pazjenti bil-kanċer, flimkien ma’ sistema fast-track biex dawn ma jkollhomx għalfejn iqattgħu sigħat twal f’żoni ta’ stennija.
Skont il-MUMN, dan jista’ jnaqqas ir-riskju li pazjenti vulnerabbli jaqbdu infezzjonijiet li jistgħu jwasslu għal aktar kumplikazzjonijiet f’saħħithom.
It-tielet proposta tittratta l-listi ta’ stennija. Il-union qed tipproponi li pazjent jiġi infurmat minnufih meta jitpoġġa fuq lista u jingħata data proviżorja għall-appuntament jew l-operazzjoni tiegħu.
Waqt il-laqgħa, li saret fl-uffiċċju l-ġdid tal-Kap tal-PN fil-binja tal-AŻAD fil-Belt Valletta, Borg qal li t-tliet proposti huma importanti biex is-servizz tas-saħħa jsir aktar effiċjenti għall-pazjenti.
Huwa qal ukoll li l-proposti tal-MUMN huma qrib dawk tal-Partit Nazzjonalista u wiegħed li l-partit se jibqa’ jagħmel pressjoni fuq dawn il-kwistjonijiet.
Borg tkellem ukoll dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-infermiera u l-qwiebel, u qal li s-settur tas-saħħa jiddependi fuqhom.
Huwa sostna li, minbarra pagi adegwati, il-ħaddiema għandhom jingħataw kundizzjonijiet li jippermettulhom iżommu kwalità ta’ ħajja tajba.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN se jkompli jinsisti fuq titjib fl-infrastruttura tas-saħħa, inkluż it-tisħiħ tad-Dipartiment tal-Emerġenza, kif ukoll fuq aktar trasparenza fil-mod kif jitmexxew il-listi ta’ stennija.
Huwa qal li diversi mill-kwistjonijiet diskussi mal-MUMN kienu diġà dehru fil-manifest elettorali tal-PN għall-aħħar elezzjoni.
Għal-laqgħa attendew ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Adrian Delia, il-Kelliem għall-Ekonomija, Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Darren Carabott, u l-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri.