Jinstab mitluf minn sensih f'garaxx fil-Mellieħa; Imut ftit wara f'Mater Dei

Jidher li r-raġel kien qed jagħmel xogħol fuq xi karozzi fil-garaxx, meta għal xi raġuni, il-post imtela’ bl-exhaust u ntilef minn sensih

Raġel Ingliż ta’ 52 sena li jgħix Ħal Balzan, miet fl-Isptar Mater Dei wara li aktar kmieni nstab mitluf minn sensih f’garaxx fil-Mellieħa.

Ir-raġel instab illum għall-ħabta tas-2:30pm fil-garaxx li jinsab fi Triq l-Iżbark tal-Franċiżi, il-Mellieħa.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li r-raġel kien qed jagħmel xogħol fuq xi karozzi fil-garaxx, meta għal xi raġuni, il-post imtela’ bl-exhaust bil-konsegwenza li r-raġel intilef minn sensih.

Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.

Huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit ħin biss wara.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.

More in Kronaka