Il-Kurja ta’ Għawdex tgħid li ma sar l-ebda kuntatt uffiċjali dwar il-każ tax-Xewkija

Kelliem għad-Djoċesi ta’ Għawdex qal li la l-Kurja tal-Isqof u lanqas il-Parroċċa tax-Xewkija ma ġew ikkuntattjati mill-persuni involuti fil-każ

Il-Kurja ta’ Għawdex qalet li ma sar l-ebda kuntatt uffiċjali magħha jew mal-Parroċċa tax-Xewkija b’rabta mal-każ irrappurtat f’farmhouse fix-Xewkija, fejn tqajmu allegazzjonijiet dwar attività mhux tas-soltu.

Il-każ kien qanqal mistoqsijiet dwar jekk il-persuni involuti kinux fittxew l-għajnuna tal-Knisja u jekk kienx hemm xi intervent pastorali jew kuntatt ma’ eżorċista.

Iżda kelliem għad-Djoċesi ta’ Għawdex qal li, sa fejn taf il-Kurja, fl-ebda stadju ma sar kuntatt formali.

“Fl-ebda stadju tal-każ ma sar kuntatt mill-persuni konċernati, la mal-Kurja tal-Isqof u lanqas mal-Parroċċa tax-Xewkija,” qal il-kelliem.

Meta mistoqsi dwar il-possibbiltà li l-persuni involuti setgħu kkuntattjaw eżorċista direttament, il-kelliem qal li ma jinsabx f’pożizzjoni li jagħti informazzjoni dwar dan.

Huwa ċċara, iżda, li kwalunkwe kuntatt bħal dan ma jkunx ifisser li l-każ ġie rrappurtat jew riferut uffiċjalment lill-Kurja.

“Jekk ikun sar xi kuntatt ma’ eżorċista, li jien m’iniex f’pożizzjoni li nagħti tagħrif fuq hekk, dan mhux kuntatt uffiċjali mal-Kurja,” qal.

Il-kjarifika tad-Djoċesi tfisser li, minkejja l-ispekulazzjoni dwar possibbli involviment tal-Knisja fil-każ, ma hemm l-ebda indikazzjoni min-naħa tal-Kurja li din fetħet xi proċess jew kienet formalment involuta.

More in Kronaka