Malta Women’s Lobby titlob azzjoni urġenti wara l-qtil ta’ Miriam Azzopardi

L-għaqda qalet li l-aħħar femiċidju għandu jwassal għal miżuri konkreti biex tissaħħaħ il-protezzjoni tan-nisa, u mhux biss għal “espressjonijiet ta’ xokk u niket”

Il-Malta Women’s Lobby qed titlob azzjoni urġenti biex tissaħħaħ ir-risposta ta’ Malta għall-vjolenza kontra n-nisa, wara l-qtil ta’ Miriam Azzopardi.

L-għaqda qalet li l-każ għandu jwassal għal aktar minn sempliċi “espressjonijiet ta’ xokk u niket” u għandu jqanqal eżami serju ta’ kemm is-sistemi maħsuba biex jipproteġu lin-nisa qed jaħdmu fil-prattika.

Isaac Asare tressaq il-Qorti l-Ġimgħa li għadda u, skont rapporti, ġie akkużat bil-qtil u bil-femiċidju ta’ Azzopardi. Il-każ huwa t-tieni wieħed f’madwar sitt ġimgħat li qed jiġi proċessat bħala femiċidju, wara l-qtil ta’ Charlotte Zammit f’Ħaż-Żabbar f’Awwissu.

Il-Malta Women’s Lobby esprimiet il-kondoljanzi tagħha lill-familja, ħbieb u persuni oħra milquta mill-mewt ta’ Azzopardi.

L-għaqda qalet li ż-żmien tal-aħħar qtil huwa partikolarment sinifikanti, hekk kif fis-17 ta’ Settembru ġie ppubblikat l-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Malta mill-GREVIO, il-korp ta’ esperti tal-Kunsill tal-Ewropa li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.

Skont il-lobby, filwaqt li GREVIO rrikonoxxa progress f’Malta, indika wkoll nuqqasijiet f’oqsma bħall-protezzjoni tal-vittmi, ir-responsabbiltà tal-aggressuri, is-servizzi speċjalizzati, it-taħriġ professjonali, l-evalwazzjoni tar-riskju u l-ġbir tad-data.

Titlob aktar protezzjoni u kontroll fil-każijiet ta’ bail

Fost il-miżuri proposti, il-Malta Women’s Lobby talbet għal evalwazzjonijiet tar-riskju aktar robusti u kontinwi għal nisa li jistgħu jkunu fil-periklu.

Talbet ukoll għal salvagwardji aktar b’saħħithom meta l-Qorti tkun qed tikkunsidra l-ħelsien mill-arrest, u sostniet li s-sigurtà tal-vittma għandha tkun ċentrali f’deċiżjonijiet bħal dawn.

L-organizzazzjoni qalet li kemm hi kif ukoll il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza diġà esprimew tħassib dwar l-għoti tal-ħelsien mill-arrest f’każijiet ta’ vjolenza kontra n-nisa.

Aktar fondi għax-xelters u servizzi speċjalizzati

Il-lobby talab ukoll finanzjament adegwat u fit-tul għal xelters u servizzi speċjalizzati għan-nisa, inkluż akkomodazzjoni ta’ emerġenza, counselling, għajnuna legali, appoġġ psikoloġiku, servizzi għat-tfal u għajnuna biex il-vittmi jsibu akkomodazzjoni fit-tul.

Qal li nisa li jkunu qed jippruvaw jaħarbu mill-vjolenza għandhom ikunu jistgħu jiddependu fuq sistema ta’ appoġġ meta jkollhom bżonnha, u mhux fuq servizzi li jkunu diġà taħt pressjoni jew li jiddependu minn proġetti temporanji.

L-għaqda talbet ukoll taħriġ obbligatorju u regolari, ibbażat fuq it-trawma u sensittiv għall-ġeneru, għal imħallfin, pulizija, prosekuturi, esperti tal-Qorti u professjonisti oħra li jaħdmu fuq każijiet ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru.

Edukazzjoni u reviżjoni ta’ kull femiċidju

Il-Malta Women’s Lobby qed tipproponi wkoll aktar edukazzjoni fl-iskejjel dwar il-kunsens, relazzjonijiet b’saħħithom u dating sigur, kif ukoll dwar kontroll koerċittiv, fastidju sesswali, abbuż diġitali u kif wieħed jagħraf imġiba abbużiva.

Talbet ukoll mekkaniżmu permanenti biex jiġu analizzati femiċidji u attentati ta’ femiċidju, bil-għan li jiġu identifikati sinjali ta’ twissija, nuqqasijiet fis-sistemi ta’ protezzjoni u lezzjonijiet li jistgħu jgħinu biex jiġu evitati aktar imwiet.

L-għaqda qalet li hemm bżonn ukoll ta’ data nazzjonali aktar kompluta dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, li tkopri fost oħrajn rapporti lill-Pulizija, protection orders, deċiżjonijiet dwar bail, prosekuzzjonijiet, kundanni, reċidiva u l-eżitu finali tal-każijiet.

Hija pproponiet rapport annwali apposta dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru li juri x’miżuri ttieħdu, x’riżultati nkisbu u liema rakkomandazzjonijiet ta’ GREVIO għadhom pendenti.

“Ma nistgħux insiru effiċjenti fil-luttu”

Il-lobby enfasizza wkoll li l-prevenzjoni ma tiddependix biss mil-liġijiet u l-istituzzjonijiet, iżda wkoll mill-mod kif il-familji, il-postijiet tax-xogħol, il-ħbieb u l-iskejjel jirreaġixxu meta jaraw sinjali ta’ abbuż.

Qal li dan jista’ jfisser li wieħed jiċċekkja privatament fuq persuna li tista’ tkun fil-periklu, jismagħha mingħajr ġudizzju, jgħinha tikseb parir professjonali jew jakkumpanjaha biex tfittex l-għajnuna.

Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, skont l-għaqda, għandu jkollha rwol ċentrali biex tissorvelja dawn il-miżuri u tirrapporta pubblikament dwar il-progress.

Wara l-qtil ta’ Charlotte Zammit, il-Malta Women’s Lobby kienet wissiet kontra li Malta ssir “effiċjenti fil-luttu” mingħajr ma jirnexxilha tipprevjeni l-vjolenza.

“Sitt ġimgħat wara, inqatlet mara oħra,” qalet.

L-għaqda appellat lill-Gvern, lill-Parlament, lill-ġudikatura, lill-awtoritajiet tal-infurzar u istituzzjonijiet oħra biex iwieġbu għar-rapport ta’ GREVIO bi pjan ċar, pubbliku u marbut ma’ skadenzi.

“Il-veru kejl tar-risposta ta’ Malta għall-vjolenza kontra n-nisa ma jistax ikun biss kif l-istituzzjonijiet jirreaġixxu wara li mara tkun inqatlet,” qalet.

“Għandu jkun jekk il-qtil li jmiss jiġix evitat.”

More in Kronaka