Ħalliel jipprova jattakka l-Pulizija b'sikkina meta nstab jistaħba f'appartament fil-Balluta

Il-Pulizija arrestat żewġ persuni b’rabta ma’ każijiet separati ta’ serq

Ħalliel li l-Pulizija rnexxielha titraċċa, ipprova jattakka b’sikkina lill-uffiċjali malli dawn daħlu fl-appartment fejn kien qed jistaħba fil-Balluta.

Dan kien wieħed minn żewġt irġiel li ġew arrestati fl-aħħar jiem b’rabta ma’ każijiet separati ta’ serq.

Raġel minnhom, Libjan ta’ 38 sena residenti San Pawl il- Baħar, ġie identifikat li wettaq żewġ serqiet minn residenzi privati fiż-Żebbuġ, u f’San Pawl il-Baħar. 

Kien dan ir-raġel li pprova jattakka lill-Pulizija meta nstab f’appartament fil-Balluta. Il-Pulizija kkontrollawh mill-ewwel u ġie arrestat.

Ir-raġel l-ieħor, ta’ 30 sena residenti Ħal Tarxien, ġie arrestat fiż-Żejtun f’inqas minn 24 siegħa wara li seħħ il-każ.

L-investigazzjonijiet urew li r-raġel kien l-aggressur f’serqa fuq żewġ persuni waqt li kienu qiegħdin fi Triq Id-Dugh, f’Wied il-Għajn nhar it-8 t’Awwissu, 2020. 

Allegatament, ir-raġel uża taser biex ibeżża’ lill-vittmi. 

Aktar tard illum, il-Pulizija se tressaq b’arrest lil dawn il-persuni quddiem il-Magistrat Axiaq.

More in Kronaka