Aġġornata | Saviour Gaffarena u kuġinuh Vince huma l-vittmi tal-isparatura fl-Imqabba

Il-kelliem tal-Pulizija qal biss li kemm iż-żewġ vittmi u anke ż-żewġ suspettati kienu magħrufa mal-Pulizija dwar reati diversi

Saviour Gaffarena (xellug) u Vince Gaffarena (lemin)
Saviour Gaffarena (xellug) u Vince Gaffarena (lemin)

Żewġ persuni ġew arrestati wara li allegatament sparaw u qatlu lil Saviour Gaffarena ta' 27 sena fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-Imqabba, ilbieraħ filgħaxija.

Kuġinuh ta' 17-il sena, Vince Gaffarena, intlaqat b'tir fuq ix-xellug ta' sidru u ieħor f'wiċċu. Bħalissa jinsab f'qagħda stabbli

Il-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani, waqt konferenza, spjega kif għall-ħabta tas-2:00am ġew arrestati żewġ żgħażagħ meqjusa bħala s-suspettati ewlenin u li għandhom 18 u 19-il sena, it-tnejn li huma minn Ħal Kirkop.

Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)
Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)

Żewġ persuni oħra qed jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjoni u dawn huma żagħżugħ ta' 17-il sena u tfajla ta' 21 sena.

Il-Pulizija u anke tim mediku marru minnufih fuq il-post fejn seħħet l-isparatura iżda Saviour Gaffarena kien iċċertifikat mejjet fuq il-post. Il-Pulizija spjegat li dan intlaqat tiri f'rasu.

Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)
Taqsima Relazzjonijiet mal-Komunità u l-Istampa, Korp tal-Pulizija (CMRU)

Hu mifhum li ż-żewġ vittmi kienu fil-karozza u l-isparatura seħħet meta din waqqfet. Jidher li l-karozza kienet qed tinstaq minn Vince Gaffarena, jiġifieri ż-żagħżugħ ta' 17-il sena. Viċin il-post tal-omiċidju, il-Pulizija sabet diversi skrataċ.

Mistoqsi x'kien il-motiv wara l-isparatura, Pisani saħaq li l-Pulizija qed tistenna li Vince Gaffarena jkun f'pożizzjoni li jkun mistoqsi mill-Pulizija biex ikun jista' jitfa aktar dawl dwar il-każ.

Pisani qal biss li kemm iż-żewġ vittmi u anke ż-żewġ suspettati kienu magħrufa mal-Pulizija dwar reati diversi.

More in Kronaka