Raġel jispiċċa ħażin wara li jieħu xokk f'Ħ'Attard

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-Inkjesta li ġiet appuntata

Illum għall-ħabta tad-9:30 a.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa Triq il-Ħatab, Ħ’Attard.

Għaldaqstant, il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li raġel ta’ 28 sena mir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u residenti l-Msida kien sofra minn xokk waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fl-imsemmija triq.

Fuq il-post ġiet imsejħa ambulanza fejn ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei għal aktar assistenza medika.

Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr. V. Axiaq li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-Inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka