Bastiment li jtajjar il-bandiera Maltija ntlaqat minn tliet drones waqt li kien qed ibaħħar fil-Baħar l-Iswed, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Chris Fearne.
Il-M/V Chelsea 3 kellu abbord 15-il membru tal-ekwipaġġ — seba’ Ukreni u tmien Ażerbajġani — li kollha ġew salvati. Skont rapporti internazzjonali, ħamsa sofrew ġrieħi ħfief.
L-inċident ġie rrappurtat għall-ħabta tas-1.30am tat-Tlieta, ’il barra mill-kosta Bulgara.
Fearne kkundanna l-attakk u saħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata navigazzjoni marittima sigura skont il-prinċipji tal-UNCLOS, il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda li tirregola d-dritt tal-baħar.
Skont l-Associated Press, żewġ bastimenti kummerċjali ntlaqtu minn drones qrib il-Bulgarija. Filwaqt li l-ekwipaġġ kollu tal-Chelsea 3 ġie evakwat, it-tieni bastiment għereq.
Reuters irrapporta li mill-bastiment li għereq ġie salvat membru wieħed tal-ekwipaġġ, filwaqt li 11 oħra kienu għadhom neqsin.
Il-Prim Ministru Bulgaru Rumen Radev ikkundanna l-attakki bħala “assolutament inaċċettabbli” u talab assistenza min-NATO u mill-Unjoni Ewropea. Huwa qal ukoll li l-awtoritajiet Bulgari għadhom ma għandhomx biżżejjed evidenza biex jattribwixxu b’mod definittiv l-attakki lil xi pajjiż jew grupp.
Radev qal ukoll li se jsejjaħ lill-Ambaxxatriċi Russa f’Sofia, Eleonora Mitrofanova, biex tagħti spjegazzjonijiet dwar l-inċident