Ġettijiet militari Ġermaniżi jintbagħtu wara allert minn ajruplan irreġistrat Malta

L-ajruplan ta’ Corendon Airlines kien fi triqtu minn Korfu lejn Nuremberg meta nħareġ allert ta’ emerġenza • Aktar tard irriżulta li kien hemm ħsara teknika fis-sistema tal-komunikazzjoni bir-radju

 

Ajruplani militari Ġermaniżi ttajru biex jeskortaw ajruplan tal-passiġġieri rreġistrat Malta wara li dan ħareġ allert ta’ emerġenza waqt titjira lejn Nuremberg.

Il-Ministru għall-Mobilità Sostenibbli Chris Bonett qal li l-ajruplan ta’ Corendon Airlines, irreġistrat Malta bħala 9H-CXD, kien qed itir minn Korfu lejn Nuremberg meta ntbagħat is-sinjal ta’ emerġenza.

Wara l-allert, l-awtoritajiet Ġermaniżi ssospendew temporanjament l-operat fl-Ajruport ta’ Nuremberg u bagħtu fighter jets biex jakkumpanjaw l-ajruplan.

Il-Pulizija għalqet partijiet mill-ajruport u fetħet investigazzjoni dwar dak li kien wassal għall-allert.

L-ajruplan niżel b’mod sigur f’Nuremberg għall-ħabta tan-12.16pm, ħin lokali, u wara saru kontrolli ta’ sigurtà qabel l-awtoritajiet taw il-clearance.

Skont Bonett, aktar tard ġie stabbilit li l-allert kien ikkawżat minn ħsara teknika fis-sistema tal-komunikazzjoni bir-radju tal-ajruplan.

Corendon Airlines ikkonfermat li l-passiġġieri u l-ekwipaġġ kienu siguri tul it-titjira kollha.

L-inċident seħħ ftit sigħat wara li operazzjonijiet fl-istess ajruport kienu ġew affettwati minn rapport separat dwar allegat drone.

Skont l-ajruport, f’dak il-każ sitt titjiriet ġew ittardjati u żewġ titjiriet li kienu deħlin ġew devjati lejn ajruporti oħra bħala prekawzjoni.

More in Kronaka