Disa’ NGOs joġġezzjonaw għal policy li jgħidu tista’ ddgħajjef il-protezzjoni tal-ODZ

L-għaqdiet iwissu li faċilitajiet kummerċjali għal obstacle course racing jistgħu jitħallew jinbnew fuq art agrikola u naturali • Jqajmu wkoll dubji dwar il-mod kif il-policy kienet qed titfassal qabel il-konsultazzjoni pubblika

Disa’ għaqdiet ambjentali u tal-wirt ressqu oġġezzjoni formali kontra policy proposta tal-ippjanar li, skonthom, tista’ ddgħajjef il-protezzjoni tal-art Outside Development Zone, iżżid il-pressjoni fuq il-bdiewa u tpoġġi aktar art naturali f’riskju ta’ żvilupp kummerċjali.

F’sottomissjoni konġunta lill-Awtorità tal-Ippjanar, l-għaqdiet oġġezzjonaw għall-proposta magħrufa bħala Planning and Design Framework for Obstacle Course Racing, li skonthom tista’ tiftaħ il-bieb għal faċilitajiet kummerċjali fuq art agrikola u naturali.

L-NGOs qalu li waħda mill-akbar preokkupazzjonijiet tagħhom hija li żviluppi ta’ daqs sostanzjali jistgħu jiġu kklassifikati bħala strutturi temporanji.

Skont il-proposta, il-permessi jkunu validi għal ħames snin. Madankollu, l-għaqdiet qed jargumentaw li, meta wieħed iqis regoli oħra tal-ippjanar u dak li huma ddeskrivew bħala nuqqas sistemiku ta’ infurzar, hemm riskju li dawn il-faċilitajiet jibqgħu f’posthom għal żmien indefinit.

Huma wissew ukoll li racecourses ta’ dan it-tip jistgħu jintroduċu attività kummerċjali intensiva fil-kampanja, inkluż f’żoni li, fil-fehma tagħhom, għandhom jibqgħu primarjament riservati għall-agrikoltura jew il-konservazzjoni tan-natura.

Dubji dwar kif tfasslet il-policy

L-organizzazzjonijiet qajmu wkoll tħassib dwar il-proċess li wassal għall-policy.

Huma allegaw li d-dettalji kienu diġà ġew diskussi ma’ żviluppaturi qabel ma l-proposta tressqet għall-konsultazzjoni pubblika, u qalu li dan iqajjem mistoqsijiet dwar it-trasparenza u l-influwenza ta’ interessi privati fuq id-deċiżjonijiet tal-ippjanar.

Bħala parti mill-argument tagħhom, l-NGOs irreferew għal chats ippubblikati bejn l-iżviluppatur Yorgen Fenech u l-eks kap eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg.

Skonthom, dan huwa eżempju ieħor ta’ sistema tal-ippjanar li qed tagħti aktar piż lill-interessi privati milli lill-interess pubbliku.

Jirrefferu għal applikazzjoni f’Ta’ Qali

L-għaqdiet semmew ukoll applikazzjoni li kienet tressqet madwar tliet snin ilu għal obstacle racecourse fuq art agrikola f’Ta’ Qali.

Skonthom, il-proġett kien jaffettwa direttament bdiewa li kienu qed jaħdmu dik l-art.

L-applikazzjoni kienet ġiet irrakkomandata għar-rifjut. Waqt is-smigħ pubbliku, skont l-NGOs, il-perit tal-iżviluppatur, marbut mal-grupp BILOM, kien qal li l-Gvern kien qed iħejji policy li tippermetti faċilitajiet ta’ dan it-tip.

L-applikazzjoni eventwalment ġiet irtirata qabel il-policy proposta kienet inħarġet għall-konsultazzjoni pubblika jew daħlet fis-seħħ.

L-għaqdiet qed jargumentaw li dan juri li l-policy kienet qed tiġi żviluppata qabel ma l-pubbliku kien konxju mill-proċess.

‘Theddida għall-agrikoltura u n-natura’

L-NGOs qalu li l-policy tista’ tnaqqas is-salvagwardji eżistenti għall-art ODZ u l-ħabitats naturali, filwaqt li tpoġġi aktar pressjoni fuq il-bdiewa billi tippermetti attivitajiet kummerċjali mhux marbuta mal-agrikoltura fuq art maħsuba għall-biedja.

Huma kkundannaw dak li sejħu manuvri opaki biex jiġu akkomodati interessi privati speċifiċi għad-detriment tal-interess pubbliku, tal-futur tal-agrikoltura Maltija u tal-ambjent naturali.

L-organizzazzjonijiet qalu li se jkomplu jopponu l-policy jekk il-Gvern jipproċedi biha.

Is-sottomissjoni konġunta ġiet iffirmata minn BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Għawdix, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers Association Malta u Wirt Għawdex.

More in Kronaka