'Fl-Immaniġjar tat-traffiku qed tistmaw lir-residenti Beltin ta' laqx' - Kunsillier Laburista

'Irrid inkun pastaż biex naċċeta dan kollu mill-gvern tiegħi fil-konfront tar-residenti tagħna.'

Il-Kunsillier Laburista Ray Azzopardi li hu magħruf fuq facebook li ma tantx għandu kantunieri u difensur tal-partit tiegħu, dejjem kien voċiferu f'dak li jirrigwarda r-residenti Beltin, ġejjin minn liema kulur ikun.

Għax Ray Azzopardi stess jikteb li fejn jidħol il-Belt ma joqgħod ħadd. Fil-fatt dalgħodu ħareġ stqarrija fuq il-facebook tiegħu dwar l-immaniġjar tat-traffiku fil-Belt għal dawn iż-żminijiet tal-presidenza fejn residenti qed jiġu mqajma anke fil-5 ta' filgħodu biex ineħħu l-karrozzi tagħhom.

Ray Azzopardi kiteb hekk:

Ningħaqad ma' residenti Beltin u nuri d-dispjaċir tiegħi għal mod kif il-Gvern u TM qed jaġixxu mar-residenti tal-Belt Valletta.

Vera li l-Presidenza qed tkun xi ħaġa storika għal pajjiżna, imma ser tkun ta esperjenza qarsa għar-residenti Beltin.

Naħseb li hi deċiżjoni esaġerata li tqajjem ir-residenti fil-ħamsa ta' filgħodu biex ineħħu l-karozza meta x-xogħol jibda' ħafna aktar tard .
Naħseb esaġerata li ma tħalli lil ħadd jipparkja madwar l-akwata ta' dar il-mediterran għal ħamest ijiem sħaħ.

Ikolli nammetti li fl-immaniġjar tat-traffiku għal dik iż-żona tal-Belt FALLEJTU u STMAJTU lil kullħadd ta laqx .

Ma tafux x'qed iħoss dak il-bniedem li jasal minn ġurnata xogħol u minflok imur id-dar jistrieħ ,ikollu jagħmel aktar minn siegħa jdur biex isib jipparkja .....

Ma tafux li bniedem wara x-xogħol ikollu l-qadi tiegħu u jkollu bżonn juża l-karozza imma minħabba dak li qed jiġri fil konfront tagħhom ma jitħajjarx iċaqlaq il-karozza.

Irrid inkun pastaż biex naċċeta dan kollu mill-Gvern tiegħi fil-konfront tar-residenti tagħna.

Wasal iż-żmien li nibdew naġixxu u nieħdu stand kontra dan kollu.
Issa wasal iż-żmien li mill-paroli ngħaddu għall-fatti .
Nittama li insib appoġġ mill-Kunsill u mill-kunsilliera kollha u nqumu kontra dawn id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu mingħajr l-iċken ħniena għar-residenti tagħna.

Min mhux magħna, kontra tagħna u fejn joqgħod ir-resident, ma joqgħod ĦADD U XEJN .

Gvern u awtoritajiet, Jien u ħafna oħra bħali kontra dan kollu li qed tagħmlu fil-konfront tagħna r-residenti. Għalhekk ser inqumu u ngħidu, IEQAF !!!!

Nitkellmu għada !!!

More in Kronaka