
Nibdew is-sena b’naqra manutenzjoni fit-toroq...
Transport Malta toħroġ avviżi għas-sewwieqa dwar numru ta’ toroq li se jkunu magħluqin fl-ewwel ġimgħa tas-sena, minħabba xogħol ta’ manutenzjoni
minn Ruben Anthony Xuereb

Fi stqarrija maħruġa minn Transport Malta, l-awtorità qegħda tavża lis-sewwieqa dwar numru ta’ toroq li jkunu magħluqin f’din l-ewwel ġimgħa tal-2017, minħabba xogħol ta’ manutenzjoni fihom.
Vjal il-Labour in-Naxxar

Fi Vjal il-Labour in-Naxxar, se jsiru xogħlijiet li jibdew mill-lum, it-Tnejn 2 u jibqgħu sejrin sas-Sibt 7 ta’ Jannar. It-triq ser tibqa’ aċċessibbli b’xi partijiet jingħalqu f’xi ħinijiet kif jitlob ix-xogħol.
It-Tnejn ix-xogħol ser isir fin-naħa tat-Techno Park bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-16.00 ta’ waranofsinhar .
Mit-Tnejn sal-Erbgħa, ix-xogħol ser isir in-naħa tal-bandli bejn it-8.00 ta’ filgħaxija u l-5.00 ta’ filgħodu.
L-Erbgħa u l-Ħamis, ser ikompli x-xogħol ħdejn it-Techo Park bejn it-8.00 ta’ filgħaxija u l-5.00 ta’ filgħodu.
Mill-Ħamis sas-Sibt ix-xogħol ikompli tul it-triq kollha bejn it-8.00 ta’ filgħaxija u l-5.00 ta’ filgħodu.
Triq l-Assedju l-Kbir il-Belt Valletta

Transport Malta ser tkun qed tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fi Triq l-Assedju l-Kbir il-Belt Valletta, li ukoll se jseħħ bejn it-Tnejn 2 ta’ Jannar u l-Erbgħa 4 ta’ Jannar 2017.
Ix-xogħol ser isir bejn it-20.00 ta’ filgħaxija u l-5.00 ta’ filgħodu. Waqt il-ħin tax-xogħol, li qed isir matul il-lejn biex iħalli l-inqas impatt possibli fuq it-traffiku, it-triq ser tkun magħluqa u t-traffiku ser jgħaddi minn Triq il-Lanċa.
Triq in-Nutar Zarb Ħ’Attard

Se jsir ukoll xi xogħol ta’ manutenzjoni fi Triq in-Nutar Zarb Ħ’Attard, li se jibda wkoll mit-Tnejn 2 ta’ Jannar u jibqa’ sejjer sal-Ġimgħa 6 ta’ Jannar. Ix-xogħolijiet se jseħħu bejn id-21.00 ta’ filgħaxija u l-5.00 ta’ filgħodu, biex għal darb’oħra jkollhom l-inqas effett possibli fuq l-andament tat-traffiku.
Matul il-ħin tax-xogħol din it-triq ser tkun magħluqa għat-traffiku għalhekk is-sewwieqa huma mitluba jsibu toroq alternattivi.
Triq il-Labour, fil-Marsa ser tingħalaq billejl waqt li qed titwaqqa’ l-binja magħrufa bħala Freedom Press

Il-bini ta’ Freedom Press ser jitwaqqa’ fil-lejl bejn il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar mid-21.00 ta’ filgħaxija u s-Sibt 7 ta’ Jannar 2017 fil-5.00 ta’ filgħodu.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà waqt it-twaqqiegħ tal-bini, Triq il-Labour ser tingħalaq għat-traffiku. Il-karozzi ż-żgħar minn Triq Aldo Moro għan-naħa t’isfel ta’ Malta ser jgħaddu jew miż-żona industrijali li ser tkun miftuħa fiż-żewġ direzzjonijiet jew mid-Dock 7. It-trakkijiet ser jgħaddu miż-żona industrijali biss.
Meta jitlesta t-twaqqiegħ tal-bini, ser jiġi implimentat xi tibdil fit-traffiku b’mod temporanju sal-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017 fl-16.00 ta’ waranofsinhar.

It-traffiku fi Triq il-Labour ser jgħaddi minn żewġ karreġġjati filwaqt li ż-żona industrijali mhux ser tiġi affettwata. It-traffiku fi Triq Aldo Moro ser jgħaddi minn żewġ karreġġjati sat-traffic lights u jkompli għaddej bħas-soltu minn hawn ‘l quddiem.
Transport Malta tħeġġeġ lis-sewwieqa biex isuqu b’attenzjoni u jsegwu l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali fuq is-sit tax-xogħol, dwar kif jgħaddu mit-toroq alternattivi u sabiex iħarsu l-ħaddiema li jkunu fuq il-post.