'Ma nistax nemmen' ...l-ewwel vittma fit-toroq fl-2017

Matthew Azzopardi, identifikat bħala s-sewwieq ta' mutur ta' 26 sena li miet ftit wara li ttieħed l-isptar

Il-vittma tal-inċident, Matthew Azzopardi u l-mutur tiegħu
Il-vittma tal-inċident, Matthew Azzopardi u l-mutur tiegħu

Żagħżugħ ta' 26 sena mill-Mosta kien l-ewwel vittma tat-toroq Maltin f'din is-sena hekk kif tilef ħajtu lbieraħ filgħaxija wara li kien qed isuq il-mutur tiegħu fil-Mosta stess. 

Dan il-ġuvni ġie identifikat bħala Matthew Azzopardi ta' 26 sena. Bosta kienu dawk li ma setgħux jemmnu li l-ewwel vittma tat-toroq Maltin, li kellu jkun propju fl-ewwel ġurnata tas-sena kien il-ħabib tagħhom Matthew Azzopardi. Diversi ħbieb ta' Matthew użaw Facebook sabiex jesprimu n-niket tagħhom għal din it-telfa tant bikrija ta' dan iż-żagħżugħ.

Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-21:50, meta l-Pulizija mid-Distrett tal-Mosta ġew infurmati li kien għadu kemm seħħ inċident stradali fi Vjal l-Indipendenza, il-Mosta.

Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ impatt bejn mutur tat-tip Suzuki misjuq minn ġuvni ta’ 26 sena residenti l-Mosta stess u vettura tat-tip Isuzu li kienet qegħda tiġi misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti Ħad-Dingli.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei ġew imsejħa fuq il-post sabiex jassistu lix-xufier tal-mutur. Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa iżda sfortunatament aktar tard huwa ġie ċċertifikat mejjet.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka