Anzjan isofri ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku

Inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard

Inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard
Inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard

Raġel ta’ 69 sena sofra ġrieħi ta’ natura gravi waqt inċident tat-traffiku li seħħ dal-lejl fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard.

Hekk kif il-Pulizija mid-Distrett tal-Ħamrun ġew infurmati bl-inċident stradali irrikorrew fuq il-post imsemmi fejn żewġ vetturi tat-tip Daewoo Matiz u Ford Mondeo ġew innutati maħbutin fuq it-traffic lights.  Minn stħarriġ preliminari rriżulta li d-Daewoo kienet qed tiġi misjuqa minn raġel ta’ 69 sena residenti Santa Venera fid-direzzjoni lejn Ħ’Attard filwaqt li l-Ford kienet qed tiġi misjuqa minn ġuvni ta’ 22 sena residenti Ħaż-Żebbug u kienet ħierġa mit-triq ta’ Ta’ Qali. 

Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tieħu lill-anzjan u l-passiġġiera tiegħu l-Isptar Mater Dei għall kura medika.  Aktar tard ir-raġel ġie iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li l-passieġġiera; mara ta’ 69 sena u residenti Santa Venera wkoll, ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Is-sewwieq tal-Ford kif ukoll passiġġiera tiegħu; tfajla ta’ 17-il sena residenti Ħaż-Żebbuġ ma sofrew l-ebda ġrieħi waqt l-inċident. 

Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka