L-arti akrobatika fl-ajru: il-popolarità ta’ dan l-isport f’Malta

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Althea Formosa li tipprattika l-arti akrobatika fl-arju 

 

Althea Formosa ilha tipprattika l-arti akrobatika fl-ajru minn mindu kellha 18-il sena. Illum il-ġurnata tagħmel prestazzjonijiet ta’ dan l-isport fuq palkijiet internazzjonali u anki tgħallem dan l-isport. 

Formosa qalet li ilha minn tfulitha affaxxinata bil-prestazzjonijiet taċ-ċirku meta kienet tarahom fuq it-televiżjoni jew fiċ-ċirku stess. “Is-saħħa, l-istamina u l-kreattività tal-atleti minn dejjem kienet tissorprendini,” saħqet Formosa. Madankollu, hi ma kinitx toħlom li ssir bħalhom, kemm għaliex Malta f’dak iż-żmien ma kienx hemm konoxxenza u opportunitajiet f’dan l-isport, kif ukoll kif hi bħala żagħżugħa ma kinitx tagħmel sport bħala dixxiplina.  

Hi rrakkontat li meta kellha 18-il sena kien għadu kif daħal il-pole dancing bħala sport f’Malta u li mal-ewwel lezzjoni ssaħħret mill-isport. F’dak iż-żmien, Formosa kienet għadha kif bdiet kors l-Università u ma setgħetx tlaħħaq mal-istudji kif ukoll mal-isport. Għalhekk iddeċidiet li tagħti prijorità lill-istudji tagħha u waqfet l-isport. Hekk kif iggradwat, hi reġgħet qabdet l-isport u minn hemm ma waqfitx. Wara l-pole dancing hi bdiet titħarreġ f’dixxiplini oħrajn relatati mal-arti akrobatika fl-ajru, inkluż il-hoop, is-silks, u slings. 

Il-pole kien il-punt tat-tluq u minn hemm feġġet ħolma li dan l-isport tagħmlu fuq livell professjonali bħala artista u bħala għalliema. Matul iż-żmien, Formosa kompliet titħarreġ u ġabret numru ta’ kwalifikazzjonijiet f’dixxiplini bħar-rope, straps, u anke trapeze. 

Minn dawn id-dixxiplini kollha hi qalet li temmen li l-istraps huma l-itqal hekk kif jirrikjedi saħħa u esperjenza. Minbarra l-istraps, hi qalet li anke l-pole dancing temmen li huwa fost l-iżjed wieħed diffiċli wkoll. “Il-pole dancing jibqa’ għal qalbi ħafna, kemm għaliex bħala dixxiplina huwa l-favorit biex nipprattika, kif ukoll għaliex kien passatemp li bdejt bih u eventwalment fetaħli ħafna bibien fejn stajt nimraħ.” 

Hi qerret li hemm ċerti affarijiet f’dawn id-dixxiplini li jbeżżgħuha għax jekk ma tkunx mgħarraf sew fuq x’qed tagħmel tista’ tweġġa’. Madankollu hi minn dejjem kienet metikoluża waqt li kienet timbotta lilha nfisha biex tegħleb il-biżgħat li skontha mhumiex razzjonali. 

Formosa rriflettiet fuq il-prestazzjonijiet tagħha fejn fil-karriera tagħha għamlet ħafna atti differenti f’avvenimenti diversi, kemm b’mod lokali, kif ukoll fuq palkijiet internazzjonali. Hi qalet li l-iżjed att għal qalbha huwa att li telgħet ma’ ħabib tagħha fejn libsu maskli tal-gomma bħala taparsi firien maħbubin u tellgħu att komiku bid-double straps li ntgħoġob mill-udjenza. Hi qalet li m’għandhiex xi ritwal qabel ma titla’ fuq il-palk hekk kif ma tantx ikollha ħin tipprepara sabiex tagħmel prestazzjoni ta’ siegħa, imma l-preparazzjoni tiġi minn snin ta’ esperjenza u taħriġ. 

Hi qalet li f’Malta dan l-isport qed jikber sew u qed jiġi mgħallem ukoll lit-tfal, hekk kif l-isport huwa addattat għal nies ta’ kull età u ta’ kull livell fiżiku. “Nemmen li dan l-isport hu dixxiplina sabiħa ħafna li tagħtik saħħa fiżika u mentali, u tgħin sabiex l-individwu jkollu stil ta’ ħajja aktar san.” 

More in Intervisti