Kumpless tax-xiri fil-Marsa fil-futur, jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-Equidrome
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome Matthew Brincat jaqsam il-pjanijiet għall-futur tal-korsa taż-żwiemel
minn Ilenia Debono
F’intervista mal-gazzetta ILLUM, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome Matthew Brincat tkellem fuq il-viżjoni tagħhom għat-trakka tal-Marsa inkluż kumpless tax-xiri u parking b’erba’ sulari.
Brincat qal li l-pjanijiet tagħhom jinkludu roundabout fl-akkwati għall-immaniġġjar tat-traffiku ħdejn il-Park and Ride. Huwa spjega li n-naħa tal-korsa – li bħalissa qed tiġi żviluppata sabiex issir korsa ta’ livell Ewropew – li tmiss mal-Park and Ride, se tiġi żviluppata f’kumpless tax-xiri b’erba’ sulari mtarrġa.
Dan il-kumpless, li għadu ma ħariġx il-permess għalih, huwa ppjanat li miegħu jkun hemm pont li jgħaqqad mal-kumplessi l-oħra tal-madwar sabiex in-nies jevitaw li jaqsmu t-triq biex immorru minn kumpless għall-ieħor.
“L-ewwel sular ikun daqsxejn ogħla sabiex jibqgħu jgħaddu x-xarabankijiet,” afferma Brincat li l-konnettività u l-konsistenza hija prijorità għal Malta Equidrome ukoll. L-istess kumpless tax-xiri se jkun mgħammar bi stabbilimenti differenti inkluż salons għal min jixtieq jaqta’ xagħru, kliniki, uffiċini, u anke gym. L-iżvilupp jinkludi wkoll post ta’ parkeġġ għaż-żwiemel sabiex inaqqas il-karrijiet taż-żwiemel mill-parkeġġ tal-karozzi.
Brincat iddeskriva dan l-iżvilupp bħala approċċ ħolistiku. Hu qal li la l-permess tal-kumpless tax-xiri u lanqas tal-parkeġġ għadu ma ħareġ minħabba raġunijiet ta’ loġistika speċjalment fil-qasam tal-immaniġġjar tat-traffiku. Hu qal li kien hemm proposta li n-naħa ta’ fejn hemm il-venda bħalissa tiġi bħal roundabout li tista’ tmiss mal-wied.
Fuq l-immaniġġjar tat-traffiku, il-kap eżekuttiv qal li sabiex tonqos drastikament il-konġestjoni li kull min jgħaddi mill-Marsa fil-ħinijiet aktar intensi, iridu jingħalqu żewġ toroq għall-karozzi. Hu qal li t-triq li tinfed mill-Park and Ride minn ġewwa li ddur mat-trakka taż-żwiemel u t-trakka tal-ġiri għandha tkun aċċessibbli biss għaż-żwiemel jew għall-atleti, kif ukoll Triq it-Tiġrija li ħafna jużawha sabiex jaqbżu t-traffiku għandha tkun għaż-żwiemel biss hekk kif hu jemmen li dawn il-fetħiet kollha qed iwasslu għall-konġestjoni.
Il-Park and Ride tal-Marsa
Brincat spjega li l-art fejn hemm il-Park and Ride tal-Marsa hija tal-Equidrome, li qabel kienet il-Malta Racing Club, u kienet kollha parkeġġ għall-viżitaturi tal-korsa taż-żwiemel.
Hu qal li meta bdew il-Park and Rides fil-Marsa u fil-Furjana, b’tibdil sinifikanti fis-sistema tat-trasport pubbliku, il-gvern “qabad u ddeċieda” li l-art tal-parkeġġ se tintuża bħala Park and Ride fid-disponibbiltà tal-kumpanija responsabbli mix-xarabankijiet ta’ dak iż-żmien.
“Meta ġie ż-żmien sabiex tingħata l-konċessjoni bil-miktub bil-kuntratt u kollox, din reġa’ taha u inkorporaha lilna [Malta Equidrome] li l-art hija tagħna għal 65 sena, inkluż il-kumpless tal-Marsa,” ikkjarifika Brincat. Kompla jgħid li wara tliet snin – li jiskadu s-sena d-dieħla – l-operazzjoni tal-Park and Ride fuq l-art tal-Equidrome jistgħu jitwaqqfu, xi ħaġa li mhumiex qed jippjanaw li jagħmlu min-naħa tal-Equidrome.
Il-Kap Eżekuttiv qal li din ġieli kienet ta’ ostaklu għall-korsa speċjalment meta jkun hemm tiġrijiet matul il-lejl u x-xarabankijiet ikunu pparkjati fejn is-soltu ż-żwiemel jidħlu fil-parkeġġ. Madankollu, hu qal li bi ftehim mal-kumpanija responsabbli mix-xarabankijiet, din il-problema ġiet mitigata b’kordinazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet u li għandha tiġi solvuta b’iżjed spazju ta’ parkeġġ.
Hu tkellem fuq il-miżata ta’ €2 li qed iżommu għall-parkeġġ ħdejn il-Park and Ride, u qal li din lanqas biss tkopri l-paga tal-parker. “Il-ħmieġ li nsibu, tal-biża.”
