‘Qegħdin nistudjaw l-aħjar strateġija għall-elezzjonijiet,’ jgħid Camilleri Gambin

F’intervista mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Momentum, Mark Camilleri Gambin jgħid li l-partit qed iħejji għall-elezzjoni ġenerali li jmiss 

 

F’intervista mal-gazzetta ILLUM, is-Segretarju Ġenerali tal-partit ġdid ċentrist Momentum Mark Camilleri Gambin qal li qed jevalwaw liema strateġija hija l-aħjar għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, kemm jekk tkun is-sena d-dieħla jew fl-2027. 

Fuq l-elezzjoni, is-Segretarju Ġenerali qal li l-elezzjonijiet ġenerali dejjem tħabbru fi żminijiet fejn il-partit fil-gvern ikun sejjer tajjeb fis-sondaġġi, għal kontra ta’ dak li qal il-Prim Ministru li l-elezzjoni se tissejjaħ meta jkun fl-aħjar interess tal-pajjiż, filwaqt li neħħa kull dubju li l-elezzjoni se tissejjaħ f’Marzu tal-2026.  

Hu qal li Momentum qed jaħdem sabiex jikseb il-fiduċja ta’ dawk is-70,000 votant li essenzjalment jiddeċiedu min jirbaħ l-elezzjoni, li jissejħu floaters. Hu kompla jgħid li l-Momentum qed jistudja l-aħjar strateġija għall-elezzjonijiet, kemm jekk tissejjaħ 16-il xahar ieħor jew wara. 

Camilleri Gambin tkellem fuq diversi suġġetti differenti, inkluż l-irwol il-ġdid li għadu kif laħaq fil-Partit Demokratiku Ewropew bħala d-deputat Segretarju Ġenerali fi ħdan il-partit Ewropew. Hu qal li dan l-unur juri l-fiduċja tal-partit Ewropew fil-politika li qed tmexxi l-Momentum f’Malta. “Għalhekk nemmen li bħala Maltin irid ikollna vuċi iktar b’saħħitha fuq livell Ewropew. Dan huwa li rrid nagħmel jien permezz ta’ din il-kariga,” qal Camilleri Gambin. 

Huwa tkellem ukoll fuq id-dehra tal-partit innifsu f’Malta, fejn jiġi assoċjat ħafna d-drabi mal-fundatur tal-partit u l-kandidat għall-elezzjoni Ewroparlamentari tal-2024 Arnold Cassola li ilu attiv politikament fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Taljan għal għexieren ta’ snin. Hu qal li l-partit ċentrist ħareġ mis-suċċess tal-kandidatura ta’ Cassola fejn ġab mal-22,000 vot fl-aħħar għadd. “Minħabba f’hekk, u l-konsistenza u perseveranza tiegħu, Arnold Cassola huwa figura popolari ma’ ħafna Maltin, imma l-partit mhux Cassola biss, hemm nies oħrajn bħali li jgħinu u jieħdu sehem b’mod attiv favur politika onesta. Hemm ħafna oħrajn jgħinu minn wara l-kwinti wkoll,” spjega Camilleri Gambin. 

Hu elabora u qal li l-membri tal-eżekuttiv, hu, flimkien ma’ Arnold Cassola, Carmel Asciak, Sumaya Ben Saad, Katya Compagno, Natasha Azzopardi u Matthew Agius, kollha involuti fil-qasam tagħhom, jipparteċipaw fil-vision circles xi ħaġa unika għall-Partit Momentum, fil-formulazzjoni tal-proposti kif ukoll f’attivitajiet pubbliċi, kemm diġitali u fiżiċi. 

Camilleri Gambin tkellem ukoll fuq is-sondaġġi, speċifikament fuq dawk tal-gazzetta oħt, MaltaToday. Hu qal li dawn huma indikazzjoni importanti ħafna sabiex juru x-xejra tan-nies. Meta mistoqsi rigward il-fatt li l-fiduċja tan-nies fil-partit Momentum qed tonqos ma’ kull sondaġġ — 1.2% f’Novembru, 2% f’Ottubru u 3.1% f’Ġunju — hu qal li wieħed irrid iżomm f’moħħu li Momentum ilu partit biss għal għaxar xhur u jikkompeti ma’ “tliet partiti stabbiliti”. Camilleri Gambin inkluda l-ADPD mal-partiti stabbiliti li skont l-istess sondaġġi l-fiduċja tan-nies fihom qed tiżdied ma’ kull sondaġġ — 1.6% f’Ġunju, 2.4% f’Ottubru u 4.1% f’Novembru. “L-għan tagħna hu li nibnu partit sod u kredibbli li joffri politika onesta u ġusta għall-elettorat,” għalaq is-Segretarju Ġenerali fuq dan is-suġġett. 

Suġġett ieħor li ssemma kien il-baġit, fejn hu beda billi qal “Issa drajna l-ftaħir tal-aħjar fl-Ewropa sena wara sena. Retorika politika.” Huwa qal li dan huwa l-akbar baġit f’termini ta’ GDP imma mhuwiex baġit li jindirizza l-prijoritajiet tan-nies bħall-għoli tal-ħajja u l-problemi attwali bħat-trasport.  

Huwa għamel referenza għall-proposti li għamlu Momentum, inkluż żieda fil-minimum wage, riformi biex il-proprjetà ssir aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ, aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, tax-credit għal dawk li jagħmlu xogħol volontarju, jintrefgħu l-bolol li jkunu ħallsu ż-żgħażagħ bejn is-16 u t-18-il sena, incentivi għal kumpaniji li huma tax-compliant, u miżuri oħra biex il-mudell ekonomiku jitbiddel minn wieħed ibbażat fuq numri għal wieħed li jsaħħaħ it-talent Malti u ekonomija nadifa u trasparenti. 

Fl-aħħar, Camilleri Gambin indirizza l-problema tat-trasport pubbliku f’Malta fejn qal li metrò 20 sena oħra jista’ jkollna jekk l-esperti jlestu l-istudji. “Il-metrò jista’ jkun idea fit-tul, iżda llum Malta teħtieġ soluzzjonijiet prattiċi u immedjati, mhux proġetti ta’ għexieren ta’ snin. Ippropona li nżidu l-karozzi tal-linja u ninvestu f’bus shelters moderni b’kenn xieraq, informazzjoni live, rampi għall-aċċessibbiltà u bins biex jinżamm l-ispazju nadif. 

More in Intervisti