Il-futur tal-Ewropa f’idejn iż-żgħażagħ: Thomas Bajada jsejjaħ għal bidla

Waqt intervista ġewwa Strasburgu, il-Gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Thomas Bajada, Membru Parlamentari Ewropew Malti, dwar iż-żgħażagħ u l-politika, u kif dan il-fenomenu qed jaffettwa l-futur tagħhom. 

 

L-MEP żagħżugħ Malti, Thomas Bajada, jgħid li ż-żgħażagħ qed jitbiegħdu mill-politika għax ma jħossuhiex tirrappreżentahom. Huwa jħeġġeġ għal inizjattivi konkreti fl-Ewropa li joffru aktar vuċi u influwenza direttament lilhom. 

Il-Membru Parlamentari Ewropew Malti sostna li din il-firda taż-żgħażagħ mill-politika mhijiex xi ħaġa f’Malta biss, iżda realtà Ewropea. Skontu, iż-żgħażagħ spiss iħossu li l-politika ma tirriflettix ir-realtajiet tagħhom u ma tipprovdilhomx spazji biżżejjed li fihom jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet. 

“Il-mistoqsija hi waħda: il-politika qed tirrappreżenta liż-żgħażagħ? L-opportunitajiet tagħhom, l-isfidi u x-xewqat tagħhom għall-futur?” staqsa Bajada, li kompla jispjega kif ħafna drabi ż-żgħażagħ jaraw il-politika bħala xi ħaġa distanti. 

Bajada qal li l-użu tal-midja soċjali qed tgħinu jkun eqreb taż-żgħażagħ fil-ħidma tiegħu, iżda saħaq li jeħtieġ aktar spazji u strutturi fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jgħidu direttament il-ħsibijiet tagħhom. 

Inizjattivi Ewropej u l-futur 

L-MEP żied li fl-ambitu Ewropew għad hemm nuqqas ta’ inizjattivi li jagħtu vuċi diretta liż-żgħażagħ. “Nixtieq nara aktar ideat u suġġerimenti li ġejjin minnhom stess, u mhux biss diskors fuq affarijiet bħall-armamenti,” qal hu. Huwa rrifera wkoll għall-“Vision 2050” u inizjattivi oħra fit-tul, li skontu għandhom isiru b’aktar impenn lejn il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ. 

“Iż-żgħażagħ illum mhux biss qed iħallsu t-taxxi jew jibdew il-familji tagħhom, iżda huma wkoll dawk li fil-futur se jmexxu lill-Ewropa,” sostna Bajada. 

Il-prijoritajiet tiegħu fil-Parlament Ewropew 

Thomas Bajada spjega li l-ħidma tiegħu fi ħdan l-Ewropa hija ffukata fuq tliet oqsma prinċipali: l-ambjent, l-ekonomija u s-sajd. 

Fuq il-qasam ambjentali, ħadem fuq rapporti dwar ir-reżiljenza tal-ilma, filwaqt li issa qed jiffoka fuq l-ekonomija, b’mod partikolari fuq miżuri bħal “financial literacy” biex iż-żgħażagħ jingħataw aktar opportunitajiet ta’ investiment u sorsi ta’ finanzjament differenti. 

Bajada semma wkoll l-importanza tar-reġjun Mediterranju, li sejjaħlu “d-dar tagħna”. Huwa spjega kif il-“Patt tal-Mediterran”, li se jkun imniedi fil-ġimgħat li ġejjin, għandu jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Ewropa u l-pajjiżi Mediterranji, u joffri aktar opportunitajiet ta’ appartenenza u żvilupp. 

“Fejn irridu mmorru b’dan il-proġett Ewropew? Dan hu l-mument fejn irridu nħarsu lejn iż-żgħażagħ bħala l-mutur tal-futur,” temm jgħid Bajada. 

More in Intervisti