‘Is-serqa ma seħħietx għax il-Ministru ta xi ordni jew kellu involviment, għalhekk tajna s-sapport kollu lil Bryon’

Ramona Attard m’għandha bżonn l-ebda introduzzjoni, minkejja li għadha kif tidħol fil-Parlament bis-saħħa ta’ co-option. Madankollu l-gazzetta ILLUM poġġiet ma’ Attard biex tifhem il-pożizzjoni tagħha fuq numru ta’ temi, inkluż is-sondaġġi politiċi, l-isport fl-iskejjel, l-iskandli riċenti u aktar

Fl-ewwel diskors tiegħek bħala membru parlamentari, inti pproponejt li jitneħħa l-homework tradizzjonali mill-iskejjel. Kif tirreaġixxi għall-kritiċi li jargumentaw li dan jista’ jdgħajjef id-dixxiplina u l-prestazzjoni akkademika tal-istudenti? 

Fl-ewwel diskors tiegħi bħala membru parlamentari proprjament ħeġġiġt li ssir diskussjoni fuq is-suġġett tal-homework. Din mhux diskussjoni li jista’ jiddeċiedi fuqha individwu wieħed, iżda hi diskussjoni li tinvolvi lill-għalliema, il-ġenituri, lit-tfal infushom, diversi stakeholders oħra, u anke lilna l-membri parlamentari li nilleġiżlaw, u allura hu l-obbligu tagħna li nġibu l-bidliet li hemm bżonn. 

Jinkwetawni żewġ punti mis-sistema kif inhi bħalissa. L-ewwel punt hu l-ġlieda kontra l-ħin, b’numru ta’ tfal jaslu d-dar mill-iskola, jieklu xi ħaġa, wara jridu jagħmlu l-homework ta’ malajr u mbagħad jerħulha għal xi attività ekstrakurrikulari jew għal xi lezzjoni tal-mużew. F’daċ-ċirkostanzi insaqsi x’ħin jifdal sabiex inqattgħuh flimkien bħala familja, anke fejn hemm familji fejn mhux iż-żewġ ġenituri jaħdmu, aħseb u ara fejn għandek il-maġġoranza tal-familji, biż-żewġ ġenituri jaħdmu, u sitwazzjonijiet fejn saħansitra għandek ġenitur waħdu jieħu ħsieb l-ulied. Hemm ukoll familji li għandhom l-għajnuna tan-nanniet u oħrajn le. Kull tip ta’ soluzzjoni ma nemminx li għandha tkun a skapitu li l-mara titlef l-indipendenza ekonomika tagħha jew li titlef il-kapaċità tagħha li jkollha introjtu jew aspirazzjonijiet ta’ karriera daqs ir-raġel. Għalhekk nemmen li hemm tant bżonn li nagħmlu diskussjoni ħolisitika li tinvolvi r-realitijet tal-lum filwaqt li nissalvagwardjaw l-aħjar interessi tat-tfal u l-benesseri tal-familji. 

It-tieni nett, jien nara dan is-suġġett ukoll mill-punt di vista ta’ ugwaljanza. Nistaqsi jekk mhux qegħdin naħsbu biżżejjed fuq tfal li m’għandhomx min jgħinhom fil-homework meta jaslu d-dar jew tal-inqas imqar ikollhom superviżjoni waqt li jkunu qed jagħmlu l-homework. 

Qed naħsbu f’dawk it-tfal li lanqas imqar għandhom kamra żgħira b’desk fejn jistgħu jagħmlu l-homework? 

L-għan ewlieni tal-edukazzjoni f’pajjiżna għandu jkun li kulħadd, irrispettivament fil-familja li titwieled fiha, li jkollu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu u għalhekk irridu naċċertaw li s-sistemi edukattivi jwasslu biex dan il-potenzjal tat-tfal ikun stimultat u mhux jiġi mistur qabel biss jibda jiffjorixxi. 

Dawn il-ħsibijiet niddiskutihom ma’ bosta kollegi fil-grupp parlamentari u nieħu gost nara membri parlamentari jikkontribwixxu b’mod ħaj f’din id-diskussjoni. Fuq kollox, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima dejjem miftuħ ukoll għad-diskussjoni fuq dan il-qasam, kemm magħna, kif ukoll mal-persuni kollha involuti f’dan is-settur. F’dan l-ispirtu se nkun qed norganizza laqgħa pubblika bl-isem ‘Il-Homework u l-ħin ma’ wliedna nhar il-Ħamis 20 ta’ Marzu fis-18.00 fil-Limestone Heritage, is-Siġġiewi, sabiex issir diskussjoni franka. Għal din l-attività se jattendi wkoll il-Ministru Clifton Grima u diversi persuni li għandhom interess fis-suġġett. Għalhekk qed nistieden lill-ġenituri, għalliema, persuni li għandhom interess fis-suġġett u anke jekk hemm tfal li jixtiequ jgħidu tagħhom f’din id-diskussjoni. 

Għalhekk ma nemminx li l-homework irridu narawh biss mil-lenti akkademika jew ta’ dixxiplina, iżda pjuttost bħala ħolqa waħda minn katina sħiħa li tinkludi wkoll il-bdil tal-kurrikulu u li jeħtieġ li ssir diskussjoni serja fuqhom sabiex naraw fejn irridu nimxu fis-settur tal-edukazzjoni. 

Issuġġerejt ukoll li l-isport isir suġġett ewlieni fl-iskejjel. Ma taħsibx li dan ineħħi l-ħin minn suġġetti ewlenin oħra? Xi problemi tara li jistgħu jissolvew jekk dan li għidt isir? 

Irridu nieqfu nikkunsidraw l-isport bħala suġġett li ma nitgħallmuhx kuljum. L-isport hu importanti daqs is-suġġetti kollha li huma kkunsidrati bħala core subjects u għalhekk il-ħin irid jitqassam b’mod ugwali għax l-isport għandu benefiċċji, mhux biss fuq is-saħħa fiżika, iżda fuq il-benesseri mentali, id-dixxiplina u l-ħiliet soċjali. Fuq kollox, il-prattika ta’ dixxiplina u l-livell ta’ konċentrazzjoni li hu meħtieġ fl-isport timpatta b’mod pożittiv fit-tfal tant li possibilment jadottaw dan it-tagħlim anke fis-suġġetti akkademiċi. Jekk l-isport ikun ikkunsidrat bl-istess importanza daqs suġġett akkademiku, inkunu nistgħu nilħqu aktar talent fl-isport mill-bidu ta’ ħajjet it-tfal. Fuq kollox, f’pajjiż li għandna l-ogħla rata ta’ obeżità fl-Unjoni Ewropea u l-obeżità tiswa lill-pajjiż mal-45 miljun kull sena, it-taħriġ tal-isport kuljum litteralment isalva l-ħajjiet. 

 

Bħala MP co-opted ġdida, liema bidliet leġiżlattivi speċifiċi tixtieq timbotta fix-xhur li ġejjin? 

Dawk il-bidliet leġiżlattivi kollha li qegħdin fil-manifest elettorali li bih erġajna ġejna eletti b’maġġoranza b’saħħitha fil-Gvern, partikolarment il-bidliet leġiżlattivi li hemm bżonn għal edukazzjoni aktar inklussiva, komplessiva u universali. Dawk il-bidliet li hemm bżonn biex bir-riforma tajba li għaddejja mill-Ministru tal-Ġustizzja fil-Qorti tal-Familja jkomplu għaddejjin biex kif jistabbilixxi l-manifest nagħtu l-opportunità lil kulħadd jibni ħajtu mill-ġdid u kemm jista’ jkun malajr, anke fl-aqwa interess tat-tfal, u għalhekk il-bżonn li l-Qorti tkun marbuta b’terminu ta’ żmien fiss biex tiddeċiedi dwar separazzjonijiet, kura, kustodja, aċċess u manteniment ta’ minuri. Bidliet progressivi, u għalhekk nemmen li għandha ssir issa diskussjoni serja dwar l-ewtanażja volontarja għal persuni b’mard terminali, filwaqt li nkomplu nagħtu garanzija li kulħadd jirċievi l-aqwa kura possibbli sal-aħħar mumenti tal-ħajja. Bidliet li hemm bżonn sabiex verament il-Maltin u l-Għawdxin jitħallew igawdu d-delizzji tagħhom, u kull multa imposta tkun waħda ġusta u mhux esaġerata bħalma nemmen li qed jiġri fil-konfront tal-kaċċaturi u n-nassaba. Bidliet fil-qasam tal-liġi tal-libelli sabiex filwaqt li l-libertà tal-espressjoni tibqa’ protetta, tiġi ssalvagwardjata r-reputazzjoni tal-persuni meta jisfgħu attakkati b’mod malizzjuż u jiġi ivvintat gideb fuq persuni, kif ġieli rajna jiġri. 

 

Bħala Eks President tal-PL, u issa MP, kif tinterpreta l-aħħar sondaġġ riċenti tal-MaltaToday li juri tnaqqis fl-appoġġ għall-PL? Il-Partit qed jagħmel biżżejjed biex jisma’ l-votanti, bħalma kien wiegħed wara l-elezzjonijiet tal-2024? 

Il-pożizzjoni tiegħi fuq is-sondaġġi hija waħda konsistenti. Is-sondaġġi juru ritratt tal-mument. Il-fiduċja tan-nies trid taħdem għaliha kuljum. Jidher ċar ukoll li b’mod konsistenti l-poplu Malti u Għawdxi jafda lil Robert Abela b’mod assolut biex imexxi lil dan il-pajjiż, hekk kif għandu bejn wieħed ieħor id-doppju tal-fiduċja ta’ Bernard Grech u dan minkejja l-attakki kollha li jsiru fil-konfront tal-Prim Ministru u l-kabinett tal-Ministri. 

Nemmen ukoll li iva, irridu inkomplu nduru u nitkellmu man-nies sabiex nindirizzaw l-aspirazzjonijiet tagħhom, u fuq kollox lil hinn mill-voti bħala Membru Parlamentari jinteressani li f’pajjiżna, fejn daqshekk familji jiġu minn xulxin, jew inkella nafu lil xulxin, ħadd ma jaqa’ lura, u anke fid-diffikultajiet, sew jekk humiex ta’ saħħa fiżika jew mentali, finanzjarji jew soċjali, l-istat ikun hemm għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. 

 

Hemm dwejjaq dejjem jikber lejn iż-żewġ partiti ewlenin, u partijiet terzi bħal Momentum qed jippruvaw jisfruttaw dan is-sentiment. Partiti żgħar, tarahom bħala theddida għal-Labour, jew tilqa’ l-preżenza tagħhom? 

Jien nilqa’ l-preżenza ta’ kull min b’mod ġenwin irid jikkontribwixxi f’dan il-pajjiż. Nistenna wkoll però, anke għall-ġid tad-demokrazija tagħna, li kull partit politiku, anke partiti terzi, ma jkunux marbuta ma’ kwistjoni waħda biss, iżda verament jipproponu pjan b’saħħtu ta’ viżjoni għat-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Jien kunfidenti bil-pjan tal-Partit Laburista u kunfidenti wkoll li jerġa’ jkollna manifest b’saħħtu li jpoġġi t-triq ’il quddiem għall-Partit Laburista u għalhekk b’saqajja mal-art ma nara l-ebda theddida għall-Partit Laburista filwaqt li nħares ’il quddiem għal kull min irid jikkontribwixxi fil-pajjiż, minkejja li ma nkunux bl-istess fehma politika. 

 

Taħseb li l-mod kif il-Gvern qed jindirizza l-iskandli l-kbar, inkluż is-serq riċenti tad-droga, kien b’saħħtu biżżejjed biex iserraħ ras il-pubbliku dwar governanza tajba? 

In-nies ma jridux opportuniżmu politiku iżda azzjonijiet, u f’dan il-każ lil hinn mill-opportuniżmu tal-Oppożizzjoni li filli tieħu stand fuq il-kannabis u jumejn wara tieħu stand oħra, rajna azzjonijiet immedjati, tant li fi ftit sigħat rajna persuni jitressqu l-Qorti. Fuq kollox apparti ż-żewġ inkjesti li jinsabu fis-seħħ bil-liġi fuq dan il-każ, il-Prim Ministru ordna wkoll inkjesta amministrattiva. 

 

Is-serqa reċenti ta’ 200 kg ta’ droga minn bażi militari qajjem tħassib serju. Temmen li hemm responsabbiltà politika x’tinġarr fuq livell għoli? 

Bla dubju kien każ li ħassibna serjament. Każ li però seħħ mhux għax il-Ministru ta xi ordni jew kellu involviment, u għalhekk, kemm il-Prim Ministru, kemm il-Kabinett, kif ukoll il-grupp Parlamenari, tajna s-sapport kollu lil Bryon Camilleri li anke fil-mod kif aġixxa sabiex jassigura li l-istituzzjonijiet jaħdmu u l-persuni involuti jitressqu l-Qorti mill-ewwel wera intergrità u professjonalità.  

 

Xi wħud jemmnu li l-co-option tiegħek fil-Parlament turi li l-PL irid iġib uċuħ ġodda fi ħdanu qabel l-elezzjoni li jmiss. Tara lilek innifsek bħala parti mill-ġenerazzjoni li jmiss tat-tmexxija parlamentari Laburista? 

Jien nemmen fl-elementi kollha li jeżistu fil-Partit Laburista, kemm dawk li ilhom hemmhekk u allura jipprovdu esperjenza li tiswa mitqlu deheb, kif ukoll fl-elementi l-ġodda li jassiguraw li dan il-Partit, kif dejjem għamel, ikompli jissaħħaħ u jiġġedded. Jien se naħdem sabiex inkompli noffri fuq il-mejda bidliet li nemmen li hemm bżonnhom biex jindirizzaw in-neċessitajiet tal-familji u se naħdem biex il-Partit Laburista jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni għax b’hekk biss nistgħu nkomplu nimplimentaw il-bidliet li hemm bżonn. 

More in Intervisti