Roberta Metsola: ‘L-ipokrezija fil-politika Maltija trid tinqata'’

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ssellef ftit ħin minn tagħha lill-Saviour Balzan, fi triqtha għall-Ukrajna, propju f’Jum l-Ewropa.  

TIBBILANĊJA XOGĦOL MARBUT MAL-PARLAMENT EWROPEW, XOGĦOL MARBUT LIL HINN, KIF UKOLL IL-KAMPANJA GĦAL MALTA. DAN IL-BILANĊ KIF ISSIBU? L-ENERĠIJA KIF ISSIBHA? 

L-ewwelnett, grazzi talli ngħaqadt magħna, din hija verament xi ħaġa unika, hekk kif niċċelebbraw Jum l-Ewropa fl-Ukrajna. kienet deċiżjoni, li bħala Parlament Ewropa għazila li nkunu preżenti hemmhekk, fl-ewwel sena minn meta l-Ukrajna kienet aċċetata biex tkun pajjiż kandidat biex tidħol fl-Unjoni Ewropea. Dak hu l-kuntest wara dan il-vjaġġ. 

Jiena ma nagħmilx distinzjoni bejn dak li nagħmel Malta, dak li nagħmel  fil-parlament Ewropew u fil-kariga tiegħi bħala President tal-Parlament Ewropew. 

L-ewwelnett ġejt eletta mill-Maltin u l-Għawdxin, il-bandiera Maltija nxejjirha kull fejn ikolli l-bandiera ewropea, u anke hawnhekk, hekk kif ser inkunu qegħdin niddiskutu mal-ukreni l-pass li jrid isir, it-triq għal paċi, ħa niftakru ukoll, hekk kif  għadna kif iċ-ċelebrajna, 20 sena minn meta Malta  daħlet fl-Unjoni Ewropea. 

Din hija relevanti ħafna, hekk kif, f'dan il-perjodu li qed niftakru dawn l-20 sena malta kif marret fl-unjoni Ewropea, qed inqattgħu l-ħin fit-toroq Maltin, fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin biex nippreparaw għall-elezzjonijiet tat-8 ta' ġunju, fejn ħa nkun kandidata. 

Kollox magħqud ma' xulxin, u l-enerġija ġġibha naħseb jiena mill-mod kif tagħmel il-politika. il-Politika maltija  għandha bżonn l-enerġija, imma anzi jiena dejjem ngħid li jien sirt President tal-Parlament Ewropew propju għax trabbejt fil-politika maltija, kemm biex niġġieled, biex irbaħt dik il-pożizzjoni, u anke biex għandi l-fiduċja mill-kolleggi. 

FIS-SIGĦAT LI ĠEJJIN SE TILTAQA' MA' ZELENSKY U DIRIĠENTI TAL-GVERN TIEGĦU. HUWA PARTI MINN ŻJARA SIMBOLIKA, NAĦSEB B'MESSAĠĠ TA' TAMA GĦAX L-UKRAJNA ISSA ILHA SENTEJN F'DAN IL-KUNFLITT, IL-MESSAĠĠ EWLIENI HU LI DAK LI QED JIĠRI FL-UKRAJNA, KIF NAFU, GĦANDU IMPATT DIRETT FUQ ID-DEMOKRAZIJA FL-EWROPA. KIF TISTA' TGĦINHA APPARTI L-KLIEM L-EWROPA? X'TAMA TISTA' TTIHOM APPARTI KLIEM U MESSAĠĠI SIMBOLIĊI? 

Kliem ta' appoġġ, mhux biss bil-kliem biss u anke bl-azzjonijiet ukoll, l-appoġġ urejnih. Il-Parlament Ewropew fil-fatt, u se narahom fil-laqgħat li ser ikollna, għandna fethim mal-Parlament Ukren, fejn aħna għinihom b'mod finanzjarju, b'mod ta' sigurtà u b'mod li aħna nistgħu nassiguraw lil-liġijiet fl-Ukrajna jiġu pprosimati ma dak' li hemm bżonn  mill-UE. dik l-ewwel ħaġa. 

It-tieni, kull għajnuna finanzjarja li ngħata, jew għadha qed tingħata, tgħaddi mill-parlament. Aħna nivvuttaw. kull Deputat Malti huwa parti minn dak il-vot biex jgħin l-Ukrajna. Dik l-għajnuna, minn kull att, jiġġiffieri minn għajnuna finanzjarja, għajnuna biex aħna kellna nieħdu, nospitaw, refuġjati li ġejjin mill-Ukrajna, hekk kif ftit iżjed sentejn ilu dawn pajjiż ġar tagħhom iddeċieda li jevadihom sempliċiment għax jrid jattakka d-demokrazija, propja kif għidt inti. Il-liberta, id-dinjita, l-integrità, li qed tiġġieled għalihom l-Ukrajna hija waħda li qed tagħmilha r-Russja, u l-attakk mir-Russja, hija attakk, fuq dak li aħna rridu niddefendu. U fil-fatt f'Ġunju, u dan hu dak ukoll li se niddiskutu, se jsir summit dwar il-paċi fl-Iżvizzera u hemm tliet affarijiet li se jkunu diskussi, kemm bejnietna ma' Zelensky, il-Prim Ministru u l-Parlament, u anke mal-mara tal-President, għax hija involuta f'dak ir-rigward, u ħa nispjega għalfejn. 

L-ewwel, is-sigurtà nukleari; aħna kif nidħlu fl-Ukrajna, se naraw, numru ta' faċilitajiet ta' impjanti ta' enerġija li ġew attakkati . Jiġġifieri, infrastruttura kritika, li r-russja iddeċiddiet teqred. Għandek numru enormi ta' Ukreni lill-illum m'għandhomx dawl, ilma jew aċess bażiku għal dawk l-affarijiet li aħna nieħdu forgranted. 

It-tieni, sigurtà tal-ikel; l-Ukrajna hija r-raġuni, il-pajjiż, li fuqu tiddependi l-Afrika kollha. Fuq il-qamħ li jiġi minn dan il-pajjiż li għadna kif dħalna. Mingħajr dik il-possibilità, dawn il-pajjiżi jmorru lura ħafna. Il-prez tal-qamħ jgħola, u r-Russja qed tabbuża f'dan ir-rigward, fil-fatt hemm sanzjonijiet fuq dan il-każ u allura hemm bżonn li kull diskussjoni dwar il-paċi, aħna jkollna wkoll diskussjonijiet dwar kif is-sigurtà tal-ikel jiġi garantiet. 

U t-tielet ħaġa, it-tfal; Hemm reat partikolari f'din il-gwerra, li inti għandek eluf ta' tfal Ukreni li ġew meħudha lejn ir-Russja. Ħafna minnhom għadhom hemm, għadhom mhux ritornati lura. Il-mara tal-President Zelensky, l-ambaxxatriċi ta'din il-kawża, u parti minn dan il-pajn tal-paċi, li għaliha naħdmu b'integrità, ġustizzja u b'dinjità. Xejn ma jista' jsir fuq l-Ukrajna, mingħajr l-Ukrajna fuq il-mejda. 

Dan is-summit se jkun ukoll fuq kif  nistgħu nassiguraw li dak kollu, li l-ukrajn ilha tbati minnu minn mindu r-Russja ddeċidiet tenvadi, naraw kif se nsolvuhom. 

LILL HINN MINN DAWN IT-TIP TA' INIZJATTIVI, HEMM UKOLL L-ASPETT TAD-DIFIŻI NUKLEARI. L-UKRAJNA TRID TIEĦU LURA T-TERITORJU TAGĦNA, U TWAQQA L-INVAŻJONI TAR-RUSSJI. WAĦDA MILL-KRITIKA LI SSIR, ANKE FIL-KONFRONT TIEGĦEK, HIJA LI L-EWROPA TRID IL-GWERRA, LI DDAĦĦAL L-EWROPEJ F'KUNFLITT. MIN-NAĦA L-OĦRA RRIDU WKOLL NIFHMU LI JEKK MA JKUNX HEMM WAQFIEN, JEW MA NWAQFUX L-INVAŻJONI RUSSA MA NAFUX X'SE JIĠRI. KIF TWIEĠEB GĦAL DIN IL-KRITIKA KONTINWA? 

Kontinwa f'Malta, jiġġifieri jiena li dejjem nissorprendi ruħi, tgħidli allura għadek ma drajtx?, imma għadni nissorprendi ruħi, li inti għandek gvern imexxi min Robert Abela li b'ipokrazija liema bħala, xahar wara xahar, u dawn nista' nurijhomlok, jieħu deċiżjonijiet biex jgħin lill-Ukrajna kif hemm bżonn, fid-difiża, f'din il-gwerra. Mentri f'Malta, jagħżel li jdawwarha li qisni jien xi awtur ta' xi politika ta' gwerra tal-UE. Għalfejn qed ngħid hekk? Id-deċiżjoni biex l-UE tgħin l-Ukrajna, ħadha kulħadd inkluż Malta. 

L-Ukreni qed jiġġieldu għad-drittijiet tagħna wkoll. Meta aħna nitkellmu fuq l-għajnuna militari, għalhekk kien hemm liġijiet li għaddew u għajnuna li ngħatat. Issa hemmhekk hemm differenza bejn id-difiża, u naqbeż hawn fuq in-newtralità. Kull pajjiż jrid jiddefendi ruġu. Jiġġifieri meta Robert Abela ddeċċieda li jara kif se jagħmel biex jattakka lili, dan rama' l-armata kollha. L-armata, is-suldati kollha, u l-AFM, li bbenifikati minn fondi ewropej biex ikollna possibilità li aħna nkunu nistgħu jkollna sigurta. Dik hi d-difiża. Difiża importanti, li l-Prim Ministru rema' u fl-istess ħin in-newtralità. 

Aħna mhux l-unika pajjiż li huwa newtrali, intik eżempju, l-Irlanda. Ma taħsibx li ma hemmx  f'dan id-dibatittu, attakk mill-Gvern fuq l-MEPs għax huma wkoll qed jivvottaw bie xjgħinu l-Ukrajna? Anzi, x'qalu l-Irlandiżi? "Aħna pajjiż newtrali, imma aħna mhux newtrali fil-każ ta' pajjiż li nvadi lill-ieħor. Ħa ngħinu fid-demining." 

JIĠĠIFIERI, BIEX NIFHMEK SEW, ID-DEFINIZZJONI TA' NEWTRALITÀ, MA TFISSIRX LI MA TKUNX PARTEĊIPI, EŻEMPJU TKUN ATTIV... 

Jekk tagħmel għajnuna militarja, jekk inti ħa tgħin lill-persuni li għandhom bżonn, kemm saħħa, kura medika... 

INTI TIFHEM LI L-PREZENŻA DIRETTA, MILITARI, FUQ IL-FRUNTIERA, DIK TKISSER IN-NEWTRALITA? 

Ħadd mhu jitkellem fuqha dik, ħlief Robert Abela. Robert Abela ddeċċieda li jagħmel  sitt xhur jgħid li Roberta se tibgħatilna t-tfal għal gwerra. F'ġieħ il-Bambin, hemm xi ħadd li jemmen, li jiena favur il-gwerra? Jekk ilni snin twal, kemm ilni fil-politika, naħdem biex  Malta tidħol fl-UE, li hija propju proġett ta' paċi, kontra kull gwerra... Għalhekk qegħdin hawn u għalhekk irridu nkunu onesti. 

L-ipokrezija fil-politika Maltija trid tinqata', speċjalment f'dan ir-rigward, minn dan il-gvern. 

HAWN ŻEWĠ KUNFLITTI FID-DINJA BĦALISSA, IT-TNEJN HUMA SERJI, KUNFLITT FL-UKRAJNA U IEĦOR F'GAŻA. FIL-KUNFLITT TA' GAŻA, KIEN HEMM KRITIKA, FIL-BIDU, FEJN QISEK TAJT L-IMPRESSJONI LI QISEK MA KONTX SENSITTIVA GĦAT-TBATIJIET TAL-PALESTINJANI. LILL-HINN MINN DAN, INTI UKOLL, NUMRU TA' MEPS JĦARSU LEJK BĦALA PERSUNA LI TIBBILJANĊJA FORZI KBAR POLITIĊI. IĦARSU LEJK, FORSI GĦAX MALTIJA, GĦAX PAJJIŻ ĊKEJKEN. KONXJA MINN DAN? KONXJA LI ĠEJJA MINN PAJJIŻ ŻGĦIR, U TISTA' TIBNI PONT MA' PAJJIŻI ŻGĦAR, SPEJALMENT MA' DAWN IL-PAJJIŻI ŻGĦAR FIL-LVANT TAL-EWROPA. 

Assolutament iva. Il-fatt li aħna l-vantaġġ li għandna hu li dejjem kellna naħdmu ma' kulħadd, biex nirnexxu. L-iżvantaġġ ta' pajjiżi ikbar hu li jkollhom ċertu 'baggage' li jġibu magħhom minħabba l-qies tal-pajjiż. 

U ANKE L-ISTORJA TAGĦHOM... 

L-istorja, il-kuntest, kull suġġett tista' tgħid. Imma jien tgħallimt naħdem ma' kulħadd, u għalhekk huw atajjeb, f'dan il-kuntest, ta' kampanja elettorali f'Malta fejn id-diskussjoni hi mqanqla. Imma tajjeb li ngħidu kemm naħdmu tajjeb flimkien. Tajjeb li ngħidu wkoll fuq kemm li inti għandek President li jiġi minn pajjiż żgħir, propju minn Malta, għamlet differenza, kemm għal pajjiżna, u anke għall-Ewropa. Dawn il-pożizzjonijiet mumhiex prerogattiva tal-pajjiżi l-kbar. Anke f'dan ir-rigward, meta nitkellmu fuq il-paċi, jiġiffieri, l-għan ewlieni tal-Parlament Ewropew, meta nitkellmu fuq dawk li qed jiġri hawn, meta nitkellmu fuq il-katastrofija f'Gaża, meta nitkellmu fuq dak li għamilt mal-counterparts tiegħi kemm f'Iżrael u Palestina, mhux issa, mhux fl-aħħar xhur, u għidna "isma dak li ġara fis-7 ta' Ottubru hija traġedja kbira, ir-risposta tal-iIżrael għanda tkun proporzjonata. irridu noqgħodu attenti kif issir." Illum il-Parlament Ewropew qiegħed fuq quddiem biex jara l-għajnuna umanitarja li tidħol f'Gaża, li jiġu melusa l-ostaġġi, u nerġgħu nibdew nitkellmu fuq iż-żewġ stati, soluzzjoni ta' żewġ stati. 

More in Intervisti