X’inhi l-viżjoni ta’ Sandra Gauci għall-ADPD u Malta?

Sandra Gauci hija l-ewwel mexxejja femminili tal-ADPD, u t-tielet mexxejja mara ta’ partit Malti. Bħalissa, il-Partit tagħha qed iħejji ruħu għall-elezzjonijiet Ewropej u tal-Kunsilli Lokali tas-sena d-dieħla, u preżentement għandhom kawżi fil-Qorti li jisfidaw is-sistema eżistenti li hija ddominata miż-żewġ partiti l-kbar. L-ILLUM staqsiet aktar dwar il-ħidma li għandha quddiemha Gauci biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tal-partit li qed tmexxi 

Sandra Gauci, Mexxejja tal-ADPD
Sandra Gauci, Mexxejja tal-ADPD

L-ewwel li tiekol l-għajn. X'tirrispondi għall-kritika ta' nies li jgħidu li l-popolarità tal-ADPD hija affetwata mill-immaġni tagħha? 

Ngħidlek li qiegħed tgħaddi lin-nies bħala superfiċjali. M’aħnix ġo xi kompetizzjoni tas-sbuħija jew fuq Love Island. Fejn forsi nqasna li l-messaġġ tagħna mhux dejjem wasal jew tħalla jitwassal. Kif inkiteb dan l-aħħar fil-press, aħna ningħataw spazju fuq l-istazzjon nazzjonali ta’ xi żewġ minuti fil-ġimgħa. Dawk politiċi, storja oħra - stazzjonijiet bħall-One iwebbsu rashom u ma jirrapurtawx il-konferenzi stampa tagħna anke meta dan huwa mitlub mill-Awtoritá tax-Xandir . 

Fid-dawl tan-nuqqas fl-appoġġ lejn il-partiti l-kbar li qed jiġi nnutat fis-sondaġġi, x’se tkun qed tagħmel biex tattira nies ġodda lejn l-ADPD? 
Se nagħmel  minn kollox biex bħala ADPD inkunu aktar qalb in-nies u naħdmu bieb bieb, familja familja sabiex nisimgħu il-weġgħat tagħhom li mill-messaġġi li nircievi huma ħafna. 

F’dan il-punt fl-istorja dejjem qed naraw aħbarjiet li donnhom jagħtu raġun lill-viżjoni tal-ADPD (fosthom fl-ambjent u drittijiet ċivili). Minkejja dan, is-sondaġġi u r-riżultati elettorali juru li l-partit mhux jikkonvinċi biż-żejjed nies li l-viżjoni tiegħu hija dak li verament jixtieq l-elettorat. X’inhi r-raġuni wara dan, u x’se jinbidel biex din tiġi indirizzata? 

Hemm bżonn li tiżdied il-kapacitá tagħna u hemm bżonn bosta riżorsi – u mhux flus biss biex niksbu riżultati aħjar. B’aktar nies li lesti juru wicchom għal pajjiżna, aktar kandidati, aktar volontiera. In-nies ġodda jagħtu dik il- boost ta’ enerġija u ta’ ideat friski li hemm bżonn. Jiena disponibbli biex niltaqa’ ma’ kull persuna li lesta taħdem għall-istess viżjoni. 

Bħala t-tielet mara fl-istorja ta' pajjiżna li se tkun qed tmexxi partit u bħala mexxeja ta' partit li topponi l-mekkaniżmu tal-ġeneru, x'se tkun qed tagħmel biex tħajjar aktar nisa biex jitħajjru għall-politika? 

Bħala mara f’dan l-irwol ser ikolli sfidi aktar mill-irġiel ta’ qabli. Imma bix-xoghol siewi  tiegħi nuri lil nisa oħra li postna huwa fil-politika. Bil-mod ‘salvaġġ’ tiegħi qed inkompli nkissru dal li jissejjaħ glass ceiling. Imma sakemm ikollna Parlament full time, kwota tal-ġeneru li taħdem kif suppost, u miżuri li jikkunsidraw il-bżonnijiet tan-nisa, se jkun diffiċli biex nisa oħra jieħdu l-ewwel pass weħidhom. Imma lin-nisa ngħidilhom, “Tinkwetawx, l-ewwel pass se nagħmlu jien magħkom.” 

Fid-dawl tal-każ kostituzzjonali li fetaħ il-partit tiegħek wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, x'tibdiliet se jkun qed jipproponi l-ADPD fis-sistema elettorali? 

Nipproponu li jitneħħew id-distretti ħalli nneħħu din l-idea ta’ fewdi żgħar fejn  il-ministru jieħu ħsieb il-fewdu/distrett tiegħu. Il-ministru qiegħed hemm biex jaqdi lil Malta kollha mhux ir-roqa tiegħu! Il-membri Parlamentari għandhom jiġu full-time ħalli b’hekk innaqqsu il-kunflitt ta’ interess u l-korruzzjoni. 

L-elezzjonijiet tal-MEPs u tal-Kunsilli Lokali jinsabu wara l-bieb. X'inhuma l-miri tagħkom bħala partit? 

L-elezzjoni tal-MEP’s se jati overview tas-support li ngawdu fuq bażi nazzjonali. Mingħajr distretti ma nistħix ngħid li noħlom li jitla xi ħadd mill-ADPD - imma se nżomm saqajja mal-art. Rigward l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli, nimmiraw li jkollna kandidati eletti. Nemmen li fuq livell lokali hemm kandidati li qed jaħdmu u jistinkaw u jixirqilhom jirrappreżentawna fuq kunsill. In-nies kollox. F’idejhom! 

More in Intervisti