‘Ridt noħroġ il-ġmiel tas-sesswalita omosesswali” – Kris Micallef

Ritratti bażati fuq l-imħabba ta’ gays u lesbjani iżda b’mod mill-aktar b’saħħtu u miftuħ b’laqta senswali aktar milli sesswali, Fil-Bozar Fi Brussell

Kris Micallef l-artist b’wirja mill-aqwa ‘Underwater Love’ fil-Bozar fi Brussell
Kris Micallef l-artist b’wirja mill-aqwa ‘Underwater Love’ fil-Bozar fi Brussell

Kris Micallef hu artist Malti ta’ 29 sena, li jispeċjalizza f’arti fotografika mill-isbaħ billi jagħti senswalità, lill-arti tiegħu. Ritratti bbażati fuq l-imħabba ta’ gays u lesbjani iżda b’mod mill-aktar b’saħħtu u miftuħ b’laqta senswali aktar milli sesswali . Fil-Bozar fi Brussell li hu l-mużew tal-fine arts, din l-esebizzjoni ntlaqgħet tajjeb sew mill-kommunità LGBTIQ iżda wkoll minn gruppi ta’ studenti li daħlu jaraw din l-esebizzjoni miġbuda kollha fil-qiegħ tal-baħar jew aħjar kif inhi msemmija Underwater Love, ir-renju ta’ qiegħ il-baħar.

“Dawn ir-ritratti ħdimnihom fuq żewġt isjuf u ħdimnihom lejn tmiem is-sajf għax billi ħadnihom Kemmuna ridna li ma jkunx hemm daqshekk nies u dgħajjes li jtellfu l-viżibiltà ta’ taħt wiċċ il-baħar. Warajhom kien hemm tim mhux waħdi, kien hemm jien u oħrajn għax ġieli domna tliet sigħat taħt l-ilma telgħin u neżlin.”

Kris qal li fir-ritratti tiegħu fittex naqra minn kollox, senswalità, sesswalità u mħabba. “Ridt noħroġ ukoll l-idea tal-ġmiel fis-sesswalità omosesswali. Però kull ritratt kellu storja warajh. Pereżempju ir-ritratt li għażilt int huma ta’ żewġ irġiel magħquda flimkien jinħabbu. Hemm oħrajn li jidhru jaqbżu fl-ilma li qed jieħdu gost u fih hemm l-ispirtu tal-libertà sesswali. Kull ritratt hu miftuħ għall-interpretazzjoni ta’ dawk li jarawhom. Fihom sfidi li jgħaddu minnhom il-persuni LGBTIQ. Fejn ippruvajt noħroġ dawn il-persuni miftuħa fis-sesswalità tagħhom jew hemm oħrajn li jinħbew minnha.”

żewġt irġiel magħqudin fl-imħabba taħt wiċċ il-baħar
żewġt irġiel magħqudin fl-imħabba taħt wiċċ il-baħar

Kris Micallef qal li xi sitt snin ilu kien mar jara esebizzjoni l-Bozar u kien ħolom li xi darba jkollu waħda tiegħu, “u meta qaluli issa biex nagħmel waħda jien ħassejt li lħaqt il-quċċata tal-karriera tiegħi. Iżda m’iniex se nieqaf hawn u l-ħolma tiegħi li jkolli xogħlijiet oħra madwar id-dinja u żgur li din il-presidenza Maltija se tibqa’ f’moħħi għal dejjem.”

 

 [S1]

More in Intervisti