‘Il-politiku jiġi ġġudikat mhux fuq li jgħid biss iżda anke kif iġib ruħu’ - Peter Agius
'L-MPE iwassal leħen min ivvutalu anke jekk jikxef l-għawar ta’ pajjiżu'
minn John Busuttil minn Brussell
Peter Agius avukat ta’ 37 sena miż-Żejtun, dan l-aħħar kien fuq l-aħbarijiet għall-fatt li l-president tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani għażlu biex ikun dak il-persuna li jiktiblu d-diskorsi tiegħu (speech writer). Kariga ferm prestiġġjużża. Kariga li tagħmel ġieħ mhux biss lilu, iżda anke lil pajjiżna.
Peter hu persuna moħħu miftuħ ħafna fejn tidħol il-politika. Sew dik Ewropea kif ukoll dik lokali, tant li ma tkunx xi sorpriża jekk xi darba narawh jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, “Kemm-il darba staqsewni jekk hux se noħroġ għall-elezzjoni, iżda qatt ma staqsewieli dawk li setgħu joffruhieli. Issa jekk din l-offerta tasal minn min hu relevanti, niddiskutiha mal-mara. Għax il-mara dejjem issaportjatni u dejjem involvjetha f’kollox minn qabel.”
Peter flimkien ma’ martu Mariella huma ġenituri ta’ tliet subien, Achille ta’ 7 snin, Tullio ta’ 6 snin u Aurel ta’ 5 snin (ismijiet spirati mid-dinja antika li hu tant iħobb).
“Il-politika tinteressani ferm u nixtieq li xi darba f’ħajti jkolli l-privileġġ li nagħti lil pajjiżi daqs imqar nofs li tani. Imma nħoss li dan mhux kompatibbli ma dak li qed nagħmel bħalissa għax il-karriera tiegħi bħalissa hi fi Brussell u m’għandix l-opportunità li niltaqa biżżejjed man-nies għax il-politiku jrid ikun qrib in-nies.” Fil-fatt, Peter issa li ħa dan l-inkarigu għandu sentejn u nofs f’din il-pożizzjoni, li hu ż-żmien li Tajani għandu bħala president.
‘Kull politiku jeħtieġ ikun taħt l-iskrutinju tal-media’
Mitlub jikkumenta dwar kif iħares lejn il-politika tat-tiċpis tat-tajn lejn xulxin u l-assassinju ta’ karattri fi blogs u l-midja soċjali, Peter qal li l-politika m’għandhiex titratta l-persuna nnifisha iżda ta’ fejn irridu mmorru. “Aktar hu interessanti li niddiskutu l-għażliet li għandna bħala poplu milli naraw x’għamel ħażin politiku jew ieħor. Bħal per eżempju niddiskutu l-enerġija, l-ekonomija, l-ambjent, il-libertajiet ċivili, l-impjiegi. Dawn huma aktar importanti milli x’għamel dak u x’għamel l-ieħor. Ta’ spiss, l-aktar li jiġbdu l-attenzjoni sew min-nies kif ukoll mill-midja, huma l-iskandli u l-problemi u mhux il-politika nnifisha.
“Dwar l-assasinju tal-karattri, irrid ngħid li kull politiku jrid ikun jaf li parti mill-piż li jpoġġi fuq dahru meta jiddeċiedi li se joħroġ għall-politika hu li se jkun taħt l-iskrutinju tal-midja u tal-poplu. Jien li nara inaċċetabbli hu meta ċ-ċirku ta’ min jissemma, jinfetaħ ħafna u jiddaħħlu t-terzi persuni u jitħammġu anke dawk. X’jagħmel politiku, tajjeb jew ħażin għandu jkun fl-interess ta’ kulħadd. Iżda x’għamel, qarib jew ħabib tiegħu, ta’ spiss inħoss li mhux fl-interess pubbliku għax dawn m’għażlux li jidħlu fil-politika. M’għandux jiġi espost il-persuna l-oħra, la b’ismu u lanqas bir-ritratt. Dik nara inkwetanti f’Malta. Il-politiku però jrid jifhem li ma jiġix ġudikat fuq dak li jgħid biss, iżda kif iġib ruħu u anke l-attitudni tiegħu.”
‘Kont ili Brussell 10 snin u ħassejt li rrid naqsam dak li sirt naf dwar l-Ewropa’
Meta kellu 23 sena, kien mar Brussell wara li applika biex ikun wieħed li jirrevedi t-trattat bil-Malti waqt li kien qed jagħmel il-kors tal-liġi u fl-istess waqt jaħdem bħala freelancer fit-traduzzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja. “Prattikament, fil-karriera tiegħi ltqajt ma’ koinċidenzi li sabuni preparat għal dak il-mument.” Fl-2012 għażel li jirritorna Malta jmexxi l-uffiċċju tal-Parlament Ewropew. “Kont applikajt għal dak il-post għax kont ili Brussell 10 snin u ħassejt li rrid naqsam dak li sirt naf dwar l-Ewropa maċ-ċittadin Malti. Iżda Brussell tlaqtha bil-ħsieb li nerġa’ nirritorna wara li nlesti xogħli f’Malta. U hekk ġara!”
Wara ħames snin Malta, irċieva telefonata mingħand Antonio Tajani nnifsu. “Lanqas kont naf x’se naqbad ngħidlu. Bdejt inlaqlaq avolja jien nitkellem sew bit-Taljan. Iżda meta qalli, ma ħsibtha xejn, weġibtu mill-ewwel, ‘din opportunità ta’ darba u jien ġej’.”
Li sab ruħu fil-kabinett ta’ Antonio Tajani jagħtih sodisfazzjon kbir, “Jien il-problema li kultant nara f’Malta hu li ħafna karigi, prinċipalment jittieħdu jew jingħataw minħabba l-affiljazzjoni politika. Hawnhekk meta int tipprova l-enerġija u l-impenn tiegħek jaraw il-kompetenza tiegħek u mhux l-affiljazzjoni politika biss. Xi ħaġa li nispera li naslu għaliha anke Malta. Għax hemm Laburisti u hemm Nazzjonalisti li huma kompetenti.”
Dan l-aħħar, donnu li l-Oppożizzjoni Maltija ma kinitx kuntenta wisq meta Tajani kien qal li llum libes il-kappell ta’ President u ma jistax iħares lejn in-Nazzjonalisti bħal meta kien mal-PPE. “Tajani hu kburi li ġej mill-partit tal-PPE, iżda jrid imexxi l-Parlament Ewropew skont il-wegħda li għamel hu li jmexxi l-parlament b’rispett sħiħ għad-diversità tiegħu.”
Donnu li l-Oppożizzjoni Maltija stenniet li jkun warajhom fil-każ tal-iskandlu tal-Panama. “Dwar il-każ tal-Panama, għandna kumitat fi ħdan il-Parlament Ewropew li għadu jrid joħroġ l-eżitu tiegħu. F’Lulju jew ftit aktar tard se joħroġ ir-rapport ta’ dan il-kumitat li jmur fil-plenarja. Hemmhekk, Tajani jitkellem skont l-eżitu tar-rapport.”
‘Jekk MPE jikxef l-għawar...sinjal li hekk mistenni minnu’
Peter Agius hu persuna rispettat ħafna fl-Unjoni Ewropea u rispettat mill-membri Parlamentari Maltin taż-żewġ naħat, għalhekk tlabtu kif jaħsibha meta jara deputati parlamentari li jwasslu l-politika Maltija fil-Parlament Ewropew u ħafna jarawhom bħala tradituri tal-pajjiż. “L-MPE hu elett mill-poplu. Dak kollu li jagħmel, hu riflessjoni ta’ dan. Il-mandat tiegħu tahulu min ivvota għalih u jekk ikun hemm MPE li l-interventi tiegħu jidhru bħala li qed jikxfu l-għawar tal-Maltin jew tal-gvern Malti, ngħid li sinjal li dak hu li mistenni minnu minn dak li vvutalu. Jekk mhux hekk, meta se jerġa’ jmur iħabbat il-bieb, se jsib il-bieb magħluq. Ir-risposta tal-mistoqsija tiegħek neħduha fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019.”
“Il-Parlament Ewropew qatt ma qagħad lura milli jidħol fi kwistjonijiet lokali. L-MPE joqogħdu attenti iżda meta jkun hemm bżonn, jidħlu. Il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjonijiet b’saħħithom ħafna kontra l-Polonja, kontra l-Ungerija u anke fil-kwistjonijiet tagħna tal-passaporti daħal fejn qal li Malta trid toqgħod aktar attenta. Xogħol il-Parlament Ewropew hu li jara li l-prinċipji Ewropej jridu jiġu applikati b’mod sew f’kull pajjiż. Ikun min ikun fil-gvern, hu tajjeb li l-Parlament Ewropew ikollu l-kuraġġ li jgħid fejn qed jiżbalja u jwiddeb.”
Dwar il-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Peter Agius qal li n-nies fit-triq jinteressahom li jaraw u jħossu ir-riżultati bħal fil-każ tal-liġi li għaddiet li issa tista’ tixtri online minn kullimkien bla restrizzjonijiet u anke li tneħħa r-roaming. In-nies se jibqgħu jiftakru li kienet Malta fil-Presidenza li rat li dawn il-liġijiet favur il-poplu jgħaddu.
“Il-poplu Malti ftit jew xejn jinteressah kif taħdem l-Unjoni Ewropea u kif inhi mqassma bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill. Għalihom jinteressahom biss ir-riżultati.”
‘Min ġennen għal Brexit...mar jinħeba’
Peter Agius jitkellem dwar l-Ewropa b’mod ferm emottiv għax il-kunċett Ewropa għalih ifisser wisq. Semma kif il-kunċett Ewropew hu faċli tattakkah. Semma ż-żewġ elezzjonijiet importanti għall-futur Ewropew: dik tal-Olanda f’Marzu u ta’ Franza f’April u Mejju li ġej. “Iż-żewġ personalitajiet politiċi li jidher li se jirbħu l-ewwel round u se jkunu fuq ta’ quddiem huma, Geert Wilders tal-Olanda u Marine Le Pen ta’ Franza. Fiż-żewġ ċirkostanzi, għandek retorika li jpinġu l-Ewropa bħala l-għawġ kollu. Is-sors tal-problemi kollha li hawn fid-dinja. Li l-ewro jġib il-faqar. Dan mhux vera. Kieku Franza kellha tneħħi l-ewro bħalma trid Le Pen, min jaf x’faqar iridu jgħaddu minnu l-Franċiżi għax ikun hemm devalwazzjoni kbira għal dawk li għandhom l-ewro mfaddal fil-banek. Il-problema tal-Ewropa hi li ħadd mhu qed isemmi l-konsegwenzi ta’ x’jiġri li kieku l-Unjoni Ewropea tisfaxxa. Dan ġara fl-Ingilterra, l-ewwel marru vvutaw għal Brexit, u l-għada l-Isterlina tilfet 10 punti. U min ġennen lil kulħadd biex joħroġ mill-Ewropa, Farage, flok offra l-alternattiva, ħarab mir-responsabbiltà, inħeba u ħallieha f’idejn Theresa May li qatt ma kienet favur Brexit.”
Peter Agius jemmen ukoll li waħda mill-problemi ewlenin hi li hemm il-perċezzjoni li l-Ewropa ma ħaditx azzjoni konkreta biżżejjed fejn tidħol immigrazzjoni u terroriżmu. Jista’ jkun li ma kienx hemm kommunikazzjoni tajba bejn il-pajjiżi. Il-prinċipji Ewropej huma l-kompassjoni, li tagħti l-protezzjoni temporanja biex immigrant ma jintbagħatx lura fejn ikun hemm periklu għalih. “Iżda l-prinċipju Ewropew jinkludi wkoll li jekk m’għandekx dritt, ma tidħolx. U l-Ewropa nqabdet fuq sieq waħda għax kienet għaddejja minn proċess ta’ liġijiet meta sabet miljuni ta’ refuġjati ma’ wiċċha. Ara llum ninsabu preparati ħafna aħjar minn sentejn ilu. Issa għandek passaport li jingħata lil min daħal b’mod irregolari biex jintbagħtu minn fejn ġew. Dan barra l-ftehim mat-Turkija biex l-immmigranti mis-Sirja jibqgħu t-Turkija u l-ftehim mal-Libja li qed jiġi xprunat ukoll mill-Gvern Malti. Iżda n-nies m’għandhomx paċenzja u qed jaraw it-televiżjoni bl-immigranti deħlin fl-Ewropa. B’hekk, l-inkwiet u l-biżgħat tagħhom qed iwaħħluh fl-Unjoni Ewropea li min-naħa tagħha mhix twassal liċ-ċittadin tagħha dak li tant qed tagħmel tajjeb għall-istess ċittadin. L-akbar problema tal-Unjoni Ewropea hi n-nuqqas ta’ kommunikazzjoni maċ-ċittadini. Le Pen u oħrajn bħalha qed ibeżżgħu bil-babaw u mhux bit-theddida reali.”
Agius jgħid li x-xettiċi ma jinkwetawhx iżda jdejquh biss dawk li ma jibbażawx l-argumenti tagħhom fuq informazzjoni tajba u akkost ta’ kollox ikunu jridu jkissru biss. “L-Ewropa għandha bżonn ix-xettiċiżmu. Għax ix-xettiċiżmu jistaqsi. Platun jgħid li jekk fil-ħajja ma tistaqsix, lanqas ħaqq li tgħixha. L-akbar ħalliema tal-Ewropa kienu xettiċi. Kieku Schuman aċċetta l-Ewropa ta’ dak iż-żmien, kieku m’għandniex Unjoni Ewropea. Schuman kien qal li ma jistax ikun li fl-Ewropa nibqgħu noqtlu lil xulxin kull 20 sena u qal li allura hemm bżonn li l-faħam u l-azzar isir tat-tnejn, tal-Ġermanja u ta’ Franza. Ir-riżorsi saru komuni u l-interessi żgur li se jkunu komuni.
“Ħafna mix-xettiċi huma tajbin anke jekk ħafna jħalltuhom mal-ħżiena. U dawn jagħtu kontribut tajjeb ħafna bħall-Ingliżi li għalkemm dejjem xettiċi taw kontribut straordinarju lill-Unjoni Ewropea.”
‘Irid Ewropa li tagħti riżultati konkreti liċ-ċittadin’
Ladarba Peter Agius jikteb id-diskorsi ta’ Tajani, bilfors li jaf liema tragward irid jilħaq il-president tal-Parlament Ewropew. “Irid Ewropa li tagħti riżultati konkreti liċ-ċittadin. Tajani ma jistax jaċċetta li għandna ċerti affarijiet li huma faċli biex jinbidlu u nibqgħu ma nibdluhomx. Bħall-burokrazija, il-kumplikazzjoni fil-fondi Ewropej, il-qsim ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet u bejn kull pajjiż biex nipprevjenu l-attakki terroristiċi. Taf li int fil-Belġju stess wara l-attakk terroristiku, irrealizzaw li dawk li jitkellmu bil-Franċiż u l-oħrajn li ġejjin minn żoni li jitkellmu bil-Fleming ma kinux qasmu l-informazzjoni li kellhom? Qed jagħmel enfasi kbira li l-Ewropa tkun viċin iċ-ċittadin. Fil-fatt, meta ġie Malta riedni nlaqqgħu ma’ gruppi min-negozji, NGOs, mill-ambjent, mill-pensjonanti, studenti u organizzajnielu dawn il-laqgħat f’Dar l-Ewropa fejn qasam l-ideat man-nies u qalli li vera ħa gost b’din il-laqgħa. L-interess vera ġenwin tiegħu huma n-nies.”
Peter Agius temm l-intervista billi qal li l-ħolma tiegħu hi li jkun hemm aktar kommunikazzjoni mal-poplu b’mod dirett u li jifhmuh iċ-ċittadini u mhux ħafna terminoloġiji. “Irridu nitkellmu man-nies kif jitkellmu n-nies.”