‘M’għadhomx jiġu bid-dgħajsa, qed jiġu bl-ajruplan’

Żieda ta’ 33% f’talbiet għall-ażil

 

Tlett ijiem qabel tiftaħ uffiċjalment il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se jkollha l-immigrazzjoni fuq nett tal-aġenda, il-Ministru Carmelo Abela jisħaq mal-ILLUM li minkejja li n-numru ta’ immigranti irregolari li qed jiġu bid-dgħajjes naqas, l-isfida ta’ numru kbir ta’ immigranti deħlin f’pajjiżna għadha waħda reali ħafna.

F’intervista ppubblikata f’din il-ħarġa, l-aktar Ministru Malti li probabbilment se jkollu rwol ċentrali f’din il-Presidenza, jispjega kif ‘ħafna qegħdin jagħżlu li jidħlu bl-ajruplan jew bil-katamaran mill-Italja, bl-istess mod kif turist jiġi Malta. B’viża regolari u legali u passaġġ imħallas. Kif jaslu Malta, jinstab li ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa, għax ikunu ntremew jew inħbew mal-wasla f’Malta. B’hekk ikunu jistgħu jitolbu għall-ażil.’

Fil-fatt, aktar kmieni din il-ġimgħa, waqt programm televiżiv, il-Ministru Abela saħansitra qal li waħda mir-raġunijiet għalfejn immigranti qed jiġu lejn Mata mill-Italja huwa, minħabba li f’pajjiżna hawn iktar xogħol u jistgħu jitħallsu aħjar.

Mal-ILLUM, Abela fakkar kif bejn l-2014 u l-2015 kien hemm żieda qawwija ta’ 33% fin-numru ta’ talbiet għall-ażil, b’Malta tikklassifika t-tielet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea b’talbiet għall-ażil, ras għal ras fl-aħħar ċifri mill-Eurostat.

Intant dwar il-Presidenza huwa qal li se tkompli d-diskussjoni dwar id-direttiva tal-Blue Card, xi ħaġa simili tal-Green Card, biex l-immigranti jkunu jistgħu jidħlu fl-Ewropa b’mod legali. 

More in Intervisti