filmat | Bejn il-prekarjat, il-baġit u l-Air Malta: il-GWU sena wara

'Jekk insibu soluzzjoni fuq l-Air Malta bħalma sibna fuq l-Enemalta, mela allura m’għandu jbati ħadd'

Is-segretarju ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja | ritratt: Chris Mangion
Is-segretarju ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja | ritratt: Chris Mangion

Se jagħlaq sena jmexxi l-akbar għaqda tal-ħaddiema f’pajjiżna, il-General Workers Union u matul din is-sena ma naqsux il-kontroversji, l-isfidi u l-akkużi li l-GWU baqgħet sieħeb qrib iżżejjed tal-Partit Laburista u allura tal-Gvern preżenti wkoll.

L-ILLUM tiltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, ġimgħat qabel jitressaq il-baġit li jmiss, jiem wara li l-GWU ħarġet proposti għall-istess baġit, ftit wara akkużi li qed tmexxi skema li tħaddem in-nies biċ-ċiċri, fil-qalba tal-kwistjoni ‘AirMalta’ u ftit qabel l-ewwel sena anniversarju tal-istess Bugeja fit-tmun.

L-istess xogħol? Ħlas indaqs

Nibdew mill-ewwel fuq is-suġġett tal-prekarjat. Il-GWU ressqet il-proposti tagħha fi ktejjeb imqassam lill-midja, u anke l-UĦM. IL-UĦM kellha l-prekarjat fl-ewwel paragrafu. Il-GWU fil-proposti tagħha, wara snin twal tiġġieled u tagħmel battalji dwar il-kwistjoni, ma ssemmix il-prekarjat darba waħda f’dokument ta’ 20 paġna. Mela l-prekarjat m’għadux importanti issa?

Pront iwieġeb Bugeja, min-naħa l-oħra tal-iskrivanija fejn saret l-intervista, li l-GWU qed tipproponi fost oħrajn li tispiċċa d-differenza, mhux biss fil-pagi imma wkoll fil-kundizzjonijiet bejn ħaddiema tal-kuntrattur u ħaddiema tal-Gvern. Bugeja jikkwota mill-proposti tal-GWU u jirrimarka kif il-GWU qed tipproponi li ħaddiema li jwettqu l-istess xogħol, “ikunu ugwali fir-rigward ta’ sigħat, dehra, ħinijiet, festi pubbliċi u aktar. B’hekk, il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali jingħata aktar saħħa.” 

“Dak li qed nipproponu aħna,” jgħid Bugeja “huwa li bħalma l-Gvern illeġiżla biex carers, security u cleaners tal-Gvern u tal-privat jitħallsu l-istess f’postijiet li qed jitmexxew mill-Gvern, l-istess isir fil-privat.”

Bugeja jgħid li huwa sodisfatt bil-progress li sar fuq din il-kwistjoni fl-aħħar tliet snin, “imma mhux sodisfatt sal-aħħar.” Huwa jfakkar f’anomaliji, bħal fil-każ ta’ carers li jaħdmu fi sptarijiet privati fejn il-Gvern qed ‘jixtri’ s-sodod, li qed jitħallsu inqas mill-istess carer mal-Gvern. “Hemm bżonn li l-Gvern jilleġiżla, biex dawn l-anomaliji jkunu irranġati u biex il-kunċett ta’ ħlas indaqs għal xogħol indaqs ikun introdott u prattikat fil-privat ukoll.”

Mhux billi nżidu l-paga minima lil kulħadd

Kemm il-GWU, kif ukoll il-UĦM qagħdu lura milli jipproponu żieda fil-paga minima. Għaliex? Bugeja jiċċara li hu jaqbel ma’ żieda fil-paga minima, “imma mhux żieda hekk, kif ġieb u laħaq. Mhux billi ngħidu naqbdu u nżidu l-paga minima b’€100 għal kulħadd,” sostna Bugeja. “Irridu naraw l-effett u l-impatt ta’ żieda, filwaqt li naċċertaw li ma jkollhiex impatt negattiv fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna u l-postijet tax-xogħol.”

Iżid jgħid mal-ewwel li l-GWU, u l-UĦM bħalha, trid li jsir studju fuq il-living wage, jiġifieri l-kalkolu ta’ kemm persuna trid flus biex tgħix u jkollha biżżejjed għall-affarijiet bażiċi. “F’dan is-sens, huwa importanti li l-Gvern jaġġusta l-Household Budgetary Survey biex ikollna stampa iktar ċara u preċiża ta’ x’inhi l-ispiża ta’ familja llum.”

Kontra kontrolli fuq il-kera...

L-ILLUM tistaqsi lil Bugeja jekk jaqbilx ma’ limitu fuq kemm tista’ togħla l-kera, kif propost minn Yana Mintoff f’isem il-Forum Komunità Bormliża. Bugeja jindika li ma jaqbilx u jisħaq li anke kieku biss, “ma tistax tagħmlu. Lanqas tista’ tagħmel dan it-tip ta’ capping.”

L-ILLUM tfakkru li hemm bliet li wettqu miżuri ta’ capping bħal Pariġi u anke Berlin, imma Bugeja jsostni li xorta ma jħossx li din hija miżura ideali. “Minflok, qed nisħqu li l-Gvern iżid is-sussidju fuq dawk li qegħdin f’kirjiet u li jkollhom problemi biex ilaħħqu. Qed ngħidu wkoll li għandu jkun hemm kontrolli li jaraw li l-postijiet li qed jinkrew ikunu diċenti u li kulħadd iħallas it-taxxi.”

Bugeja jisħaq li l-GWU qed tappella lill-Gvern biex jerġa’ jġedded il-miżura tal-First Time Buyers.

Waqt il-programm Dissett nhar l-10 ta’ Frar li għadda, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien indika li jista’ jkun li l-iskema tista’ tinqasam biex jiffranka kemm ix-xerrej kif ukoll il-bejjiegħ.

Ir-raġuni għal dan hija li minħabba li kemm ilu li l-Gvern ħabbar din l-iskema, il-prezz tal-proprjetà żdied bil-konsegwenza li dak li kienu qed jiffrankaw il-koppji minn inqas taxxa, kienu qed iħallsuh fi prezzijiet ogħla tal-proprjetà.

Second-time buyers?

Bugeja jgħid li l-GWU tħoss li l-Gvern għandu jikkunsidra li jkabbar il-firxa ta’ nies li jkunu mwieżna fil-miżura biex tħajjar aktar nies isiru sidien ta’ darhom. “Dawk li ma bbenefikawx mill-iskema tal-First Time Buyers, jibdew igawdu minn skema u tnaqqis mit-taxxa tal-boll meta jixtru t-tieni proprjetà u b’hekk kulħadd jingħata ċans. Għaliex min xtara t-tieni proprjetà tiegħu u ma gawdiex mill-ewwel skema, m’għandux igawdi minn benefiċju simili wkoll?” temm jistaqsi Bugeja.

Dawk li ma bbenefikawx mill-iskema tal-First Time Buyers, jibdew igawdu minn skema u tnaqqis mit-taxxa tal-boll meta jixtru t-tieni proprjetà

Air Malta: Il-ground handling se jkun kollu kemm hu tal-Gvern

L-intervista ddur fuq kwistjoni pjuttost pressanti bħalissa, l-Air Malta. X’inhu l-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru? X’inhu l-futur tal-ħaddiema tal-Air Malta? Bugeja jibda billi jispjega li sa nhar it-Tlieta li għadda kellu t-tieni maratona ta’ laqgħat mal-ħaddiema, “li fihom iltqajt ma’ gruppi differenti, biex magħhom mhux biss niddiskutu r-realtà, imma wkoll inneħħu dubji jew niċċaraw kwistjonijiet li mhux neċessarjament ikunu minnhom.”

Imma l-ħaddiema tal-ground handling huma mħassba dwar il-futur tagħhom u kien hemm min saħansitra akkuża lill-GWU li mhux qed tirrapreżenta l-interessi tal-ħaddiema tagħha biżżejjed fost din is-sezzjoni. Bugeja jiċħad u jgħid li l-Memorandum of Understanding li kien iffirmat, jekk ikun attwat ifisser li l-ground handling issir kumpanija għaliha “kollha kemm hi tal-Gvern, fejn il-ħaddiema jżommu l-istess kundizzjonijiet li għandhom illum.”

L-ILLUM tistaqsih imma biex jiċċara jekk hux qed jgħid li ħadd mill-ħaddiema tal-ground handling mhu se jitlef xogħlu. “Meta tkellimna mal-President Emeritu George Abela, qalilna li fost dan is-settur ta’ nies, tant naqsu l-ħaddiema li m’hemmx ammonti kbar ta’ nies żejda,” wieġeb Bugeja li kompla jispjega wkoll kif il-union qed tiddiskuti opportunitajiet oħrajn fejn dawk li jitilfu l-impjieg jew jingħataw taħriġ jew igawdu minn skema ta’ rtirar kmieni.

“Nemmen,” kompla jgħid Bugeja, “li jekk insibu soluzzjoni fuq l-Air Malta bħalma sibna fuq l-Enemalta, mela allura m’għandu jbati ħadd. Hemm ħafna nies kapaċi u f’każ li jkun hemm min jitlef xogħlu mal-linja nazzjonali, għandna nqabblu l-kompetenzi tiegħu ma’ impjieg ieħor fis-settur pubbliku.”

Huwa jfakkar li l-Gvern wiegħed lill-ħaddiema tal-Air Malta li ħadd mhu se jispiċċa mingħajr impjieg u li kulħadd se jkun garantit il-paga li qed jieħu llum. Qal ukoll li l-Gvern aċċertah, filwaqt li giddeb rapporti fuq mezzi tax-xandir li kienu jgħidu li l-linja nazzjonali tista’ tagħlaq u tispiċċa jekk ma jintlaħaqx ftehim sa Ottubru li ġej.

Ġustizzja soċjali: Leave Mediku

L-aħħar parti tal-intervista ma’ Bugeja tiffoka aktar fuq il-proposti għall-baġit li jmiss. Miżura partikolari li Bugeja jisħaq ħafna drabi hija dik tal-leave mediku, tant li mill-bidu tal-intervista kien diġà qed jinsisti li niddiskutu dan il-punt.

“Din il-miżura, mill-miżuri kollha li l-GWU qed tipproponi hija għal qalbna ferm għax irridu nuru li għalina l-ġustizzja soċjali hija l-pern u kolonna importanti li fuqha l-GWU kienet, għadha u tibqa’ sserraħ.”

Il-GWU qed tipproponi li persuni li jkunu għaddejjin minn trattament ta’ mard serju, fosthom kanċer, jingħataw siegħat aktar ta’ leave, li jkunu jistgħu jużaw għal appuntamenti l-isptar jew fi kliniċi. Bugeja spjega li persuni li jkunu għaddejjin b’appuntmenti ta’ trattament jkunu jistgħu japplikaw għal dan il-leave speċjali, biex matul dak il-ħin ikunu jistgħu jieħdu t-trattament.

“Jekk jaċċetta din il-proposta, il-Gvern ikun qed juri li qed ikompli jgħin lil min qiegħed ibati. Inkunu qed nuru li bħala pajjiż, aħna verament solidali ma’ dawk li għaddejjin minn problemi ta’ saħħa. U mhux lill-mgħakkes ngħakksuh aktar.”

Il-proposta ta’ leave mediku hija għal qalbna ferm għax irridu nuru li għall-GWU, il-ġustizzja soċjali hija kolonna importanti li fuqha nserrħu

M’għandniex problema bil-proposta tal-UĦM

Din il-gazzetta u anke l-portal illum.com.mt segwiet mill-qrib proposta oħra tal-GWU, jiġifieri dik li l-festi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa jerġgħu jingħataw bħala ġranet leave.

Bugeja jfakkar kif meta din il-miżura kienet iddaħlet minn Gvern Nazzjonalista, apparti li l-GWU opponietha bil-qawwi, kienet opponiet ukoll il-fatt li l-miżura kellha tiddaħħal fi ftehim kollettiv li kien diġà ffirmat.

“Bħala union dik konna ġġilidnieha ħafna. X’jiġifieri jien qed ninnegozja ftehim kollettiv ma’ min iħaddem u jaqbad u jidħol il-Gvern u jimponi, waqt jew wara negozjati magħluqin, miżura li tneħħi numru ta’ ġranet mill-leave.”

Bugeja, reġa’ sostna kif diġà għamel mas-sit tagħna li l-GWU se tkompli tipproponi din il-miżura sakemm titwettaq u qal ukoll li “kuntrarjament għal dak li jgħidu l-għaqdiet ta’ min iħaddem, din il-kwistjoni mhux waħda magħluqa.”

S’issa l-Gvern, kemm fuq din il-miżura, kif ukoll fuq oħrajn ftit li xejn qed jikxef karti. Għalkemm huwa mistenni, kif anke nnutat din il-gazzetta tliet ġimgħat ilu, li għall-baġit li ġej, il-Gvern iroxx aktar u juri aktar il-qalb soċjali, li xi ftit jew wisq s’issa ħalla fil-ħabi. B’elezzjoni ftit iktar minn sena ’l bogħod, il-Gvern se jkollu ħafna x’jomgħod fosthom bil-proposti ta’ Bugeja, għal dak li se jkun qed jippreżenta f’nofs Ottubru. 

More in Intervisti