“Kelli sehem kbir fl-aktar mumenti glorjużi tal-PN meta kien partit frisk u modern. Iżda maż-żmien kollox jiqdiem” - Bundy

“Iż-żewġ persuni li nstigaw li ningħata t-titlu ta’ ġakbin u traditur, illum l-istess titli ħaduhom huma” 

Iddeċidejt li nintervista kollega tiegħi fix-xandir, John Bundy fejn għal snin sħaħ ħdimna wkoll flimkien fl-istess kumpanija tal-Partit Nazzjonalista, il-Media.Link jew kif konna nsibuha dak iż-żmien, l-istamperija. John twieled Raħal Ġdid  55 sena ilu, miżżewweġ lil Claudette Fiorini minn B’Bugia u missier Samyra ta’ 24 sena. John ma twelidtx xandar, bl-ewwel xogħol tiegħu kien fl-accounts department ma’ Mizzi Group, u fl-1986 ingħaqad ma’ Radju Malta bħala radio host. Minkejja dan, l-ewwel impatt tiegħu max-xandir kien meta kellu 10 snin fl-1970. Kien jippreżenta ‘Studio għat-tfal’ flimkien ma’ Hector Bruno u Marbeck Spiteri, programm li kien immexxi minn David Azzopardi, Philip Farrugia Randon u Renato Agius Muscat. Minn hemm, ma ħarisx lura. Ippreżenta programmi tal-mużika u diskussjoni fuq kważi kull stazzjon radjofoniku u anke fuq kull stazzjon televiżiv. Fil-preżent, imexxi tliet programmi ta’ diskussjoni fuq Radju RTK tliet darbiet fil-ġimgħa.

Iżda wieħed irid jammetti li Bundy jibqa’ magħruf bħala ikona tal-Partit Nazzjonalista speċjalment fejn jidħol Radio 101 u anke għall-parties tal-massa li kien jorganizza għall-Partit Nazzjonalista. U għalhekk, ikun interessanti nsiru nafu eżatt x’ġara biex Bundy spiċċa mix-xena tal-PN fejn anke ġie msejjaħ traditur meta spiċċa fuq il-media tal-Partit Laburista għal diversi snin sal-elezzjoni li għaddiet.

F’Settembru tal-1991 fetaħ Radio 101. “Kien radju innovattiv fejn ħoloq mod ġdid kif suppost ixandar ir-radju, bl-aħbarijiet bil-vox pops. Ma kienx stazzjon ibbażat fuq politika, bl-uniku kontenut politiku jkun biss fl-aħbarijiet. Sakemm mas-snin, il-partit induna li ma kienx qed jużah b’mod tajjeb dan il-makkinarju biex iwassal il-messaġġ tiegħu, u ħloqt il-programmi bit-telefonati. Il-fatt hu li Radio 101 kien il-‘baby’ tiegħi u ġieli kont inkun preżenti fil-bord tal-għażliet għall-ġurnalisti tal-aħbarijiet. Wieħed minnhom kien Simon Busuttil li kien beda bħala ġurnalist fir-Radio 101.”

staqsejt lil John Bundy  jekk hux minnu li telaq għax xtaq ikun il-kap tar-radju. “Qatt ma kelli xi mira għal pożizzjonji amministrattiva f’Radio 101. It-tluq tiegħi kien wieħed mill-aktar deċiżjonijiet diffiċli li kelli nieħu f’ħajti. Inqisha bħallikieku rabbejt tarbija għal 10 snin, u tlaqtha. Ma xtaqtx nitlaq il-post li jien tant kont inħobb. Tlaqt minħabba l-attitudni u l-atteġjament ta’ xi wħud. Li bqajt hemm, il-kunflitti li kien se jkolli kienu se jwasslu biex nimbarazza lill-Partit u għażilt li jkun aħjar li nitlaq.” Staqsejtu jekk kienx minħabba is-segretarju ġenerali ta’ dak iż-żmien, Joe Saliba, u qalli li, “Joe Saliba kien wieħed minnhom, iżda mhux hu biss. Kienu diversi u ma rridx insemmi ismijiet,” stqarr Bundy, “kien hemm nuqqas ta’ qbil ma dak li jridu jbiddlu. Kien iddispjaċini li Joe Saliba kien mar fuq ir-radio u qal li Bundy telaq għax talab affarijiet li l-istazzjon ma jistax jagħtih. Kienet inġusta. 

Iżda meta telaq ir-radio, Bundy baqa Nazzjonalist? “Ovvjament li bqajt Nazzjonalist, Kelli sehem kbir fl-aktar mumenti glorjużi tal-PN. Meta kellu magna ta’ propaganda tajba u meta kellu l-volontarjat jaħdem mija fil-mija, meta kien partit frisk u modern. Iżda maż-żmien kollox jeqdiem.”

Illum Bundy m’għadux dak l-ikona Nazzjonalista, “le m’għadnix,” wieġeb. “Kien fl-2003 li bdejt inħoss li l-partit kien qed jieħu direzzjoni ħażina u kien qed jinjora lin-nies. Twieldet l-arroganza fil-Partit u minkejja li Gonzi kien Prim Ministru tajjeb ħafna, ma kellux il-ħin jikkontrolla minħabba l-impenji tiegħu ta’ Prim Ministru.”

Staqsejtu meta ddeċieda li ma jivvutax lill-Partit Nazzjonalista, u qalli li “qatt ma ddeċidejt li ma nivvutax lil Partit Nazzjonalista, imma ċ-ċirkostanzi joħolqulek rabja ġo fik. Li ġara kien li bejn l-2002 sal-2008 jien kont inxandar il-breakfast show fuq TVM. Kont applikajt biex nibda nxandar bi produzzjoni għal rasi mat-26th frame, u l-programm ma ngħatalix, ma nafx għaliex u x’ġara. U allura ġejt f’sitwazzjoni li ridt nxandar x’imkien għax l-għixien tiegħi hu x-xandir. L-uniku messaġġ li rċevejt kienet e-mail mingħand Joseph Muscat li kitibli hekk, ‘Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. L-aqwa baħrin huma tal-maltemp. Fejn nista’ ngħinek, għidli.’ Kelli laqgħa ma’ Joseph Muscat fejn staqsieni kif seta’ jgħini u għidtlu li jien xandar u xejn iżjed. Ftehmna li nagħmel il-breakfast show fuq ONE, ‘Bongu Bundy’, u kellna qbil li ma tidħolx politika u ma daħlet qatt sa ma resqet il-kampanja elettorali fejn bdiet tiżdied id-doża fl-aħbarijiet u analiżi, u allura ħassejt li jkun aħjar għall-Partit stess biex ikollu airtime biex jużah hu, u waqafna hemm. Sadanittant, kelli programm il-Ġimgħa filgħaxija, ‘Affari Tagħna’ li kien il-flagship tal-ONE.  Però, kelli ftehim ma’ Muscat li dan il-programm jintemm eżatt mill-għada tal-elezzjoni, u hekk ġara. Keċċejt lili nnifsi fit-8 ta’ Marzu.”

Minn dakinhar ’il quddiem, Bundy sparixxa mix-xena televiżiva. Allura Bundy ma stenna xejn? “Jien qatt ma stennejt xejn mingħand ħadd. Jien qatt ma tlabt xejn mingħand ħadd u li għamilt, għamiltu bil-ħila tiegħi. U fil-ħajja kollox jistgħu joħdulek ħlief dak li taf. Qatt ma ħabbatt bibien ta’ ministri la qabel u laqas issa. Iżda ppretendejt li jien nibqa’ nagħmel xogħli. Ma rridx niftaħ ħafna feriti għalxejn. Li nista ngħidlek hu li jien miniex fuq ix-xandir, mhux b’kapriċċ iżda minħabba l-għira, il-kattiverija u l-biża’ li l-affarijiet isiru sewwa fil-PBS.”

Bundy qal ukoll li ftit wara li Simon Busuttil sar il-kap tal-partit, kien ċempillu u xtaq li jiltaqa’ miegħu, “u jien dakinhar ma wrejt l-ebda entużjażmu biex niltaqa ma’ Simon. U ġie għandi hu fejn irrakuntajtlu l-istorja tiegħi u għaliex weġġajt. Għidtlu kif ħafna nies tul il-kampanja elettorali kienu għajruni ġakbin, traditur, lagħqi u purċinell. Titli li kienu nstigati minn żewġ persuni li saħħnu n-nies għalija, u mbagħad wara l-elezzjoni ħaduhom kollha huma dawn it-titli.” Meta tlabtu jgħidli min huma, qal li l-ismijiet se jżommhom għalih. “Simon Busuttil offrieli biex immur lura n-NET, u anke riċentament madwar xahrejn ilu erġajna ltqajna u tkellimna. Kellmitni wkoll Rosette Thake, is-segretarju ġenerali tal-PN u mas-CEO Brian St John. Kienu laqgħat biss u ma ffirmajna l-ebda kuntratti. Talbuni biex nirritorna, u jien napprezza ħafna li hemm min jirrikonoxxi x-xogħol kollu li kont għamilt qabel tlaqt.”

More in Intervisti