“Muscat tefagħna lura fis-sebgħinijiet”

Stefano Mallia dwar il-presidenza, l-Unjoni Ewropea u l-kandidatura tiegħu.

Età – 42

Professjoni – Speċjalizzazzjoni fil-qasam tal-Unjoni Ewropea

Ħolma li ma wettaqtx – Jgħum mal-baleni

Ktieb li qed taqra bħalissa – Eddie My Journey

Politiku li tammira – Dawk kollha li jidħlu fil-politika biex jagħtu servizz lil pajjiżhom 

Stefano Mallia huwa kandidat ġdid f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej. Iżda mhuwiex xi persuna kompletament barrani għall-politika. Hu kien involut fil-kampanja tal-PN għall-elezzjoni tal-PE tal-2009. Ir-riżultat kien falliment totali għall-PN fejn kien tilef dik l-elezzjoni b’aktar minn 35,000 vot. Dan wara biss sena mir-rebħa tal-elezzjoni ġenerali tal-2008.

Mallia qal li kontra l-verdett tal-poplu m’hemmx ħafna xi jgħid. “L-akbar diżappunt tiegħi bħala bniedem li nemmen fl-Ewropa, ma kienx li n-nies ivvotaw kif għamlu, imma li l-kwistjonijiet Ewropej baqgħu fuq l-ixkaffa kif sfortunatament qed jiġri f’ din l-elezzjoni.”

Dwar il-ħatra tal-Ministru Marie Louise Coleiro Preca bħala President ta’ Malta hu qal li l-kontroversji li qamu ma kinux dwar il-persuna magħżula iżda dwar il-konsultazzjoni li suppost issir fil-ħatra ta’ persuna għall-ogħla kariga fil-pajjiż u li evidentament ma saritx. 

“Issa naħseb li dak li kellu jintqal, intqal u għandna nawguraw kull suċċess lil Coleiro Preca. Ir-referenzi għall-passat huma inutli. Kellna ċans tad-deheb biex nagħtu prova li tassew il-ġenerazzjoni politika tal-lum tista’ tagħmel l-affarijiet b’mod differenti minn ta’ qabilha u ħlejniha.” 

Ftit tal-ġimgħat ilu fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, Stefano Mallia, qal li wieħed għandu jikkunsidra president minn barra l-politika u li ma jistax jifhem għaliex il-President irid ikun ġej minn kamp politiku jew ieħor.

Mallia kien staqsa għaliex ma jkunx appuntat xi ħadd li mhux involut fil-politika. “Konvint li hemm numru ta’ kandidati adattati li jagħmluna kburin bħalma għamluna dawk ta’ qabilhom,” sostna Mallia li qal li b’dan il-mod wieħed jista’ jevita d-diskussjoni dwar jekk il-President għandux ikun Laburist jew Nazzjonalist.

“Possibbilment din tagħti iktar libertà lill-individwu magħżul li jaqdi r-rwol tiegħu ta’ President. Għalija dan hu mod kif wieħed jgħaqqad il-pajjiż,” kien qal Mallia.

Mallia qal li l-PN jista’ jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-poplu billi qabel xejn ikompli jibni l-kritika tiegħu fuq il-verità u l-interess nazzjonali. Iżda fuq kollox billi jerġa’ jiskopri dawk il-valuri li hu msejjes fuqhom u li kisbulu suċċessi kbar fil-passat. Id-diriġenti tal-PN flew sew l-implikazzjoniet tar-riżultat elettorali tal-2013 u ġibdu l-konklużjonijiet meħtieġa. “Il-partit għadda minn fażijiet bħal dawn diversi drabi fil-passat. Dan hu żmien l-aġġornament u l-partit qed jaġġorna ruħu.”

Bħala persuna intiż fl-ekonomija u n-negozju, Mallia jixtieq jiffoka l-ħidma tiegħu sabiex jara li pajjiżna se juża sew l-opportunitajiet li tagħtina l-Unjoni Ewropea biex jesporta aktar, jiġbed lejh aktar investiment u jiżgura tkabbir ekonomiku li joħloq ix-xogħol.

“L-ekonomija u n-negozji se jkunu fuq moħħi għax dawn joħolqu x-xogħol li l-ħaddiem għandu bżonn. Naturalment se nagħti każ setturi oħra wkoll bħal qasam tas-saħħa, tal-biedja u ambjent. Pajjiżna għandu sitt MEPs fil-Parlament Ewropew u allura bilfors ikollhom jaħdmu ħafna biex ilaħħqu ma kemm jistgħu setturi differenti tal-ħajja.”

“Hemm ċerti affarijiet li ma jinbigħux – waħda minnhom hi ċ-ċittadinanza”

Il-kandidat tal-PN qal li diġà beda jaħdem fir-rwol tiegħu bħala membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fejn jirrappreżenta lil Malta. Hemmhekk hu ħadem fuq kwistjonijiet bħalma huma l-ħolqien tax-xogħol f’ekonomiji żgħar bħal tagħna, l-immigrazzjoni irregolari fil-Meditterran u l-importanza tal-intrapriżi żgħar.

Meta staqsejtu jekk huwiex liberali jew le, hu qal lit-tikketti jdejquh. “Pereżempju l-liberali jemmnu fl-individwaliżmu, waqt li l-partit tiegħi jemmen fil-libertà tal-individwu u l-ħarsien tad-dinjità ta’ kull bniedem – li jista’ jintlaħaq biss f’qafas soċjali.”

Mallia sostna li hemm bżonn ta’ liġijiet li jieħdu ħsieb nies b’orjentazzjoni sesswali differenti fis-soċjetà tagħna biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja ħielsa fid-dinjità li jistħoqq kull bniedem.

La dħalna fis-suġġett staqsejtu jekk jaqbilx mal-adozzjoni ta’ tfal għall-koppji tal-istess sess, hu kien pront wieġeb: “M’għandniex nagħtu ċertu drittijiet bl-għaġla qabel ma nistudjaw il-konsegwenzi tagħhom sew. Dan hu territorju ġdid għal kulħadd u ma nagħmlux sew jekk biex min għalina nagħtu drittijiet lill-koppji tal-istess sess innaqqsu dawk tat-tfal. Għax ma nitilgħux tarġa tarġa flok nipprovaw naqbżuhom ħamsa ħamsa?”

Dwar il-meritokrazija tal-Gvern Laburista, Mallia qal li l-poplu ppretenda ferm aktar minn dan il-Gvern u meta jqabbel x’qed jiġri ma x’ġie mwiegħed fis-saħna tal-kampanja elettorali, jirrabbja għax ġie ngannat. 

Hu enfasizza li l-għajta tal-meritokrazija flimkien mas-slogan “Malta Tagħna Lkoll” kienet ċajta kerha. “Jien kont nistenna ħafna iktar mingħand Joseph Muscat. Dan huwa Prim Ministru żgħir fl-età u ġej minn sfond Ewropew u tela’ b’maġġoranza kbira. Minflok uża dawn l-elementi biex ibiddel il-politika lokali, tefagħna lura fis-sebgħinijiet.”

Staqsejt lil Mallia jekk jaħsibx li l-iskema taċ-ċittadinanza tista’ tagħti spinta lill-ekonomija Maltija, u hu sostna li f’dan il-każ, l-oppożizzjoni tal-PN għal din l-iskema kienet li l-bejgħ taċ-ċittadinanza, xi ħaġa tant marbuta mal-identità tagħna, kienet qed issir mingħajr il-ħtieġa tal-ebda rabta mal-pajjiż. 

Hu tenna li għal dan il-għan il-PN għadu qed jippreżenta l-emendi tiegħu biex jiżgura liċ-ċittadinanza Maltija tibqa’ waħda serja u li tagħmlilna ġieħ. “Għalkemm il-flus huma importanti, ikun żball jekk nibdew inkejlu u niddeċiedu abbażi ta’ kemm se ndaħħlu fil-but. Hemm ċerti affarijiet li ma jinbigħux – waħda minnhom hi ċ-ċittadinanza.”

Staqsejtu x’jaħseb dwar il-kritika ta’ wħud li Brussell huwa gravy train (fejn jiddaħlu l-flus imma ma jsirx xi xogħol ta’ barra minn hawn), hu jwieġeb li jiddejjaq ħafna meta nitkellmu dwar il-kariga ta’ MEP bħallikieku din hi xi xalata. Ir-rwol ta’ MEP, sostna Mallia, ifisser li trid tagħmel ħafna sagrifiċċji fejn għandha x’taqsam il-familja. “Ix-xogħol ta’ MEP ifisser li mit-Tnejn sal-Ħamis tkun Brussell waqt li mill-Ġimgħa sal-Ħadd tkun Malta fejn trid tkompli b’xogħlok fil-kostitwenza. Dan ifisser illi jekk jien niġi elett se jkolli nagħmel żmien konsiderevoli mingħajr ma nkun mal-familja.”

“Pajjiżna jixraqlu xandir nazzjonali li ma jkun għodda ta’ ħadd”

Stefano Mallia se jqarreb l-Ewropa lejn in-nies billi jifhem il-ħtiġijiet ta’ pajjiżna u jwassalhom fi ħdan il-Parlament Ewropew fejn jitfasslu l-liġijiet, li fl-aħħar mill-aħħar se jaffetwaw lil kull wieħed minnha. “Għaldaqstant inħoss li l-aktar ħaġa importanti hija li kull MEP iżomm kuntatt dirett man-nies biex jifhem is-sitwazzjonijiet tagħhom fuq ix-xogħol u s-soċjetà.”

Mallia qal li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari hija waħda kumplessa ħafna u li ilha magħna għal żmien twil u se tibqa’ magħna għal għexieren ta’ snin. Fisser kif soluzzjoni waħda għal dan il-fenomenu ma teżistix u li rridu nagħmlu hu li nwettqu azzjonijiet differenti biex intaffu t-tbatija ta’ dawn in-nies li qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet iddisprati waqt li fl-istess ħin il-pajjiż ikun jista’ jimmaniġġja s-sitwazzjoni.

Hu spjega li din mhix biss problema ta’ Malta imma tal-Ewropa kollha, għalhekk hija r-responsabbiltà ta’ kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea biex iġorr parti mir-responsabbiltà ta’ din is-sitwazzjoni.

Dwar il-kriżi li għaddejja minnu l-Ukrajna, Mallia sostna li l-poplu Ukren għandu dritt jiddetermina l-futur tiegħu. Għandu jsir kull sforz possibbli biex tkun evitata gwerra. Enfasizza li l-Unjoni Ewropea nħolqot proprju biex dak li qed isseħħ fl-Ukrajna bħalissa ma jkunx aktar possibbli u l-fruntieri jsiru irrelevanti.

“F’Diċembru li għadda jien mort l-Ukrajna bħala parti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fejn iltqajna mal-kapijiet tal-Oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ipparteċipajna f’attivitajiet ta’ protesta kontra r-reġim ta’ dak iż-żmien. Waqt li kont hemm stajt inħoss ix-xewqa kbira tan-nies tal-Ukrajna li jingħaqdu mal-bqija tal-Ewropa.”

Ħaġa tajba li jara fil-Partit Laburista hi li dan ta x’jifhem li nbidel għax kieku ma kienx jikseb l-appoġġ li kiseb. Il-kandidat tal-PN qal li l-Partit Laburista għandu numru ta’ politiċi żgħażagħ u validi li wieħed jispera li jirnexxielhom jinħallu mill-morsa tal-konservattivi u jitħallew juru verament x’jafu.

Dwar is-sitwazzjoni tal-PBS bħalissa, Mallia qal li l-pajjiż jixraqlu xandir nazzjonali li ma jkun għodda ta’ ħadd, imma servizz għal kulħadd. “Fadlilna x’naqdfu biex ikollna xandir pubbliku sura ta’ nies. Telqu ċerti programmi fejn il-‘bias’ politiku kien ċar u daħlu flokhom programmi fejn l-iżbilanċ daqstant ieħor hu ċar. Dan mhux sinjal ta’ politika ġdida imma ta’ ‘revolving door’. Ħareġ Ġanni, daħal Żeppi. Imbagħad żdiedu xi programmi mmexxija minn ġurnalisti tal-gazzetti bħal Times Talk u Reporter li jkolli ngħid kisru l-monotonija ta’ qabel.”

“L-għajta tal-meritokrazija flimkien mas-slogan “Malta Taghna Lkoll” kienet ċajta kerha”

More in Intervisti