Brussell bħala għodda f’idejn in-nies

Meta jħares lura lejn il-ġurnaliżmu ‘militanti’ tiegħu, Charlon Gouder jiddeskrivih bħala żmien fejn kien għodda f’idejn in-nies; fejn kien isaqsi f’isimhom u jistenna biss tweġibiet xierqa. 

Charlon Gouder għandu 32 sena u jaħdem fis-segretarjat privat ta’ Josè Herrera
Charlon Gouder għandu 32 sena u jaħdem fis-segretarjat privat ta’ Josè Herrera

Illum il-ġurnata, sena wara li telaq minn ġurnalist biex daħal fis-segretarjat privat ta’ Josè Herrera, l-istess Gouder qed jaspira li jkun elett għal Brussell f’isem il-Partit Laburista biex jerġa’ jkun ‘għodda f’idejn in-nies’. Iżda din id-darba mhux wara l-mikrofonu tal-ġurnalist.

Minn ġurnalist magħruf għal mod kif tiġri wara l-politiċi Nazzjonalisti għal kandidat tal-Parlament Ewropew. X’kien li ġiegħlek titlaq il-ġurnaliżmu u tittanta xortik fil-politika?

Kien pass naturali fis-sens ta’ kontinwità li hemm mill-ġurnaliżmu għall-politika. Meta kont ġurnalist kienu jgħoġbuni l-istejjer politiċi għax huwa mod kif tikkontribwixxi fil-politika u tara l-pajjiżek jimxi ’l quddiem. Fuq kollox minn dejjem kont inqisni bħala ġurnalist tan-nies bi stejjer li jitolbu n-nies. Għamilt il-mistoqsijiet f’isimhom u dejjem qist li nkun għodda siewja f’idejn in-nies. B’din il-kandidatura qed nimmira li nkompli nkun din l-għodda fl-istituzzjoni tal-Parlament Ewropew. 

Domt taħsibha jew minn dejjem kellek din ix-xewqa?

Propjament kont diġà xtaqt li nikkontesta għall-Parlament Ewropew diġà ħames snin ilu, iżda dakinhar kelli nagħżel bejn li nikkontesta u bejn li nkompli l-istudji tiegħi. Għażilt l-università biex tgħini nkun aktar preparat biex inservi lin-nies. Naħseb li għamilt l-għażla t-tajba għax issa nħossni aktar preparat u matur minn ħames snin ilu. 

Taqbel li l-akbar appoġġ li sabet il-kandidatura tiegħek kienu fil-grassroots u l-votanti tradizzjonali Laburisti minħabba l-karattru militanti tiegħek?

Iva iżda mhux biss. Matul din il-kampanja qed niltaqa’ mal-akbar firxa ta’ nies possibli. L-għeruq tal-partit jafuni sew għax immilitajt sa minn età żgħira u nħossni parti integrali minn dan il-partit. Minn dejjem kont mal-partit, sew fir-rebħ u fit-telf. Iżda issa qed niltaqa’ wkoll ma’ nies oħra li qed jappoġġjaw il-kandidatura tiegħi u mhumiex votanti tradizzjonali; nies li jemmnu fl-enerġija żagażugħa li nista’ nwassal jien fil-Parlament Ewropew. 

Minn naħa l-oħra, ma taħsibx li l-militantiżmu tiegħek se jagħmilha diffiċli biex tersaq lejn il-floating voters?

Le, għax għandi persuni miegħi li forsi se jivvutaw Labour għall-ewwel darba. Jien niddeskrivi lili nnifsi bħala persistenti u mhux militanti, għax kont ġurnalist li ma naċċettax kull tip ta’ tweġiba. Għal dan kont inkun ta’ spiss fil-mira tal-kritika tal-partit Nazzjonalista sempliċiment għax ma kontx naċċetta kull tip ta’ tweġiba, imma din m’għandix tiġi meqjusa bħala arroganza. Charlon Gouder huwa persuna differenti minn dak ta’ wara l-mikrofonu.

Il-Partit Laburista għandu lista twila bi 13-il kandidat għall-Ewropa. Charlon Gouder x’qed joffri differenti mill-kandidati l-oħra? 

In-nies jafu jiġġudikawni bħala l-bniedem li nista’ nġib l-enerġija pożittiva li għandu l-gvern fil-Parlament Ewropew. Jistgħu jibqgħu żguri bid-determinazzjoni u l-lealtà tiegħi lejn il-pajjiż. Irrid li fuq nett tal-aġenda Ewropea jkun hemm l-għajta tax-xogħol, xogħol, xogħol… 

…allura nkwetat bl-istatistiċi li qed juru li l-qgħad qed ikompli jikber?

Jien tinkwetani kull tip ta’ statistika anke jekk tibqa’ persuna waħda biss. Irridu nħarsu ’l quddiem, nagħtu każ l-istatistika u noħorġu b’politiki u proġetti adekwati. Il-pjan għal ħolqien tax-xogħol li ħriġna ftit jiem ilu jolqot l-aktar temi kruċjali. Hemm bżonn aktar taħriġ tal-ħaddiema u studenti, għax wara li jispiċċaw mill-edukazzjoni dawn mhux isibu xogħol, għalhekk iservu l-iskop tagħhom l-iskemi ta’ apprentistat. L-akbar riżors li għandna bħala pajjiż huwa dak uman, u bla dubju rridu nagħmlu l-aħjar użu għal dan ir-riżors.

Il-Parlament Ewropew ikollu s-seduti plenarji iżda l-aktar xogħol effettiv isir fl-istadju tal-kumitati. Għandek f’moħħok xi kumitati li tixtieq tkun involut fihom jekk tkun elett?

B’kollox hemm madwar 20 kumitati, attwalment Malta preżentata f’għaxra minnhom. Jinteressani l-aktar il-kumitat tal-immigrazzjoni għax nemmen li jista’ jkun ta’ sostenn u benefiċċju għal Malta biex l-immigrazzjoni tkun fuq nett tal-aġenda. 

Kif għidtlek qabel, jinteressani wkoll il-ħolqien tax-xogħol u għalhekk se naħdem għal Ewropa aktar soċjali, li jkollha aktar opportunitajiet flok miżuri t’awsterità. 

Charlon Gouder mal-familja
Charlon Gouder mal-familja

… Imma kif tista’ taħdem għal ħolqien tax-xogħol f’Malta minn Brussell?

Għax l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew se jiddeterminaw ukoll min se jkun qed imexxi. Aħna s-soċjalisti Ewropej irridu bidla fil-ħsieb u qed nappoġġjaw lil Martin Schulz, qed nintrabtu li x-xogħol jiżdied b’ħames miljuni fi tliet snin biex nindirizzaw din ir-realtà kerha. Li l-garanzija għaż-żgħażagħ titla’ minn €6 biljun għal €21 biljun. Li jiżdiedu l-fondi għar-riċerka u l-iżvilupp. Kollha miżuri li jidħlu fis-seħħ jekk f’Malta nivvutaw kandidati Laburisti. 

Ovvjament il-kandidatura tiegħek qed tagħtik ħafna opportunitajiet biex tiltaqa’ man-nies. X’inhuma l-aktar ħsibijiet li qed jinkwetaw in-nies? 

Qed jitolbu x’se nagħmlu għal aktar impjiegi għax qatt mhu biżżejjed. Għalkemm f’Malta m’għandniex l-istess realtà kerha ta’ pajjiżi oħra, il-qgħad fost iż-żgħażagħ qed jiġi indirizzat bil-garanzija taż-żgħażagħ, li kieku ddaħħlet mill-gvern preċedenti meta ssemmiet l-ewwel darba minn Joseph Muscat ma konniex naħlu sentejn. Kieku konna nkunu aħjar milli qegħdin illum!

Din il-ġimgħa fakkarna l-10 anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. X’kienet il-pożizzjoni tiegħek fl-2003? 

Ivvutajt kontra, mhux għax ma kontx nemmen fl-Unjoni Ewropea iżda għax nemmen li dak iż-żmien iċ-ċirkustanzi ma kinux ideali. Imma r-riżultat tal-2003 hi deċiżjoni meħudha issa, għandna nħarsu ’l quddiem biex nagħmlu l-aħjar li nistgħu mis-sħubija, u nindirizzaw dawk is-setturi li ma ntlaqtux tajjeb minn dan. 

Kif inbidel il-mod kif tħares lejn l-Unjoni Ewropea fl-aħħar għaxar snin?

Qatt ma kont inħares lejn l-UE b’lenti negattiva. Il-punt tagħna kien li dak iż-żmien iċ-ċirkustanzi ma kinux ideali. Ma kienx hemm bżonn nidħlu fl-Unjoni biex inkunu aktar Ewropej. 

Jinkwetak l-element ewroxettiku f’numru kbir ta’ partitarji Laburisti li baqa’ jippersisti wara l-kampanja negattiva ta’ għaxar snin ilu?

Jinkwetawni jekk dawn l-ewroxettici ma joħorġux jivvutaw. Dawn huma elezzjonijiet li anke min m’għadux jemmen fl-UE xorta għandu jeleġġi min l-aħjar ikun il-vuċi tiegħu f’din l-istituzzjoni. 

Kieku kont Brussell il-ħamis snin li għaddew x’kont tagħmel differenti mill-MEPs Laburisti?

Sfortunatament in-nies iħossuhom iddistakkati mill-ħidma ta’ Brussell, li m’għandhiex tkun għax suppost iħossu l-Parlament Ewropew attiv daqs il-parlament nazzjonali. Dak Ewropew jgħaddi liġijiet u deċiżjonijiet li jkunu b’effett immedjat f’pajjiżna wkoll. Naspira li nuża l-esperjenza tiegħi biex nikkomunika aħjar il-ħidma tar-rapprezentanti Maltin, biex b’hekk l-elettorat tassew jassoċja ruħu ma’ din l-istituzzjoni. 

X’relazzjoni għandek ma’ Joseph Muscat?

Tajba ħafna. 

Filwaqt li qabel l-2008 kont tkun mibgħut ħafna biex tiġri għal kummenti ta’ politiċi Nazzjonalisti, jidher li bejn l-2008 u l-2013 kont tibqa’ aktar fuq ġewwa. Kien każ li l-Partit taħt Joseph Muscat kien xtaq li jieħu attitudni inqas militanti?

Assolutament mhux il-każ. F’nofs dak iż-żmien bdejt nipproduċi il-Breakfast Show. Ma kienx każ li l-partit prova jaħbini, sempliċiment uża t-talenti tiegħi mod ieħor kif deherlu li għandu jużahom. 

Bħala eks ġurnalist taħseb li għandek vantaġġ minimu fuq kandidati oħra biex in-nies jagħrfuk u jirrelataw miegħek?

Min hu ġurnalist u min hu eks Prim Ministru. Kull kandidat għandu xi ħaġa li jagħmlu differenti u b’mod naturali kulħadd jara li japprofitta minn dak li jiffavurih. 

Tidher li fil-kampanja tiegħek qed tiffoka b’mod partikolari fuq Għawdex…

…Iva nitla’ regolari ħafna, mill-inqas darba f’ġimgħa. U ntrabatt mal-Għawdxin li jekk inkun elett inkompli nsaħħaħ il-preżenza tiegħi billi niftaħ uffiċċju hawn li jindirizza aktar l-isfidi tal-Għawdxin. Huma jħossuhom aktar distakkati mill-Maltin f’dawn l-elezzjonijiet, ma jħossuhomx rappreżentati biżżejjed fil-Parlament Ewropew. 

Taqbel ma’ mezz li jgħaqqad iż-żewġ gżejjer b’mod permanenti?

Bla ebda dubju, irrelevanti jekk hux mina jew pont. B’xi mod trid tiġi indirizzata definittivament din il-problema ta’ aċċessibilità, mhux l-ewwel darba li l-Għawdxin jgħiduli li jkollhom joħorġu mid-dar ftit wara l-4am u jekk ikunu xortihom tajba jidħlu fit-8pm. 

X’viżjoni għandek għal Għawdex?

Hemm problemi ta’ xogħol, mhux in-nuqqas tiegħu iżda li ma ssibx biżżejjed nies imħarrġa fix-xogħol li hemm bżonn. Dan ħareġ meta żort l-industriji li hemm f’Għawdex, u jgħidulek li m’hemmx biżżejjed ħaddiema li jaħdmu dan ix-xogħol. 

It-tieni nett Għawdex irid jiġbed lejh aktar turisti u ma jiddependix biss mit-turiżmu sekondarju, dawk li l-ewwel jżuru Malta mbagħad jiġu fil-gżira Għawdxija. Ma rridx li Għawdex jispiċċa qisu djar tal-anzjani, tajjeb biss għal mumenti ta’ serħan. F’dan ir-rigward nemmen li t-twaqqif tal-iskola medika se jkun importanti ħafna f’dan ir-rigward.

More in Intervisti