Il-pjattaforma politika “l-Kollettiv,” qalet li l-elettorat fil-parti l-kbira tiegħu ma jħossx li l-politiki tal-Gvern Laburista qegħdin jaħdmu għall-poplu, u d-distakk bejn il-poter politiku u l-ħajja ta’ kuljum ġie rifless fil-mod kif il-partit tilef l-appoġġ li kien igawdi minn bosta bnadi.
Dan intqal b’reazzjoni għar-riżultat tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
“Mill-aħħar elezzjoni ġenerali ‘l hawn, il-politika tal-Gvern kienet waħda ta’ tqassim tar-riżorsi tal-poplu – fosthom l-art, il-kosta, u l-fondi tal-kontribwenti – lil-lobbies u individwi b’interessi privati,” qalet il-pjattaforma.
Tanalizza r-riżultati il-pjattaforma qalet li dan il “verdett ċar,” hu kawża tait-telfien tal-ispazji pubbliċi, it-theddida kostanti tal-kostruzzjoni, u n-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika.
Dawn skonta jinħassu direttament mill-komunitajiet fl-irħula ta’ pajjiżna, b’mod speċjali mill-kostitwenzi Laburisti li s-Sibt “taw messaġġ ċar ta’ għajja u diżappunt.”
“Dan ipoġġi mhux biss lill-Gvern iżda anke lill-Oppożizzjoni f’salib it-toroq.”
Titkellem fuq id-differenzi bejn il-politika ekonomika taż-żewġ partiti l-kbar, il-Kollettiv qal li din hi huma tassew negliġibbli u l-PLPN “issa jridu jagħmlu għażla bejn il-poplu u l-lobbies.”
Il-kollettiv qalet li nnotat nuqqas ta’ argumenti u proposti li huma tassew marbuta mal-Unjoni Ewropea, filwaqt li “ħadd ma tkellem dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali, li huma fit-tieni post tal-prijoritajiet tal-elettorat skont stħarriġ tal-Eurobarometer li sar fir-rebbiegħa.”
“Dan jindika kemm il-politika Maltija tibqa’ tinjora r-realtajiet ta’ niesha stess, f’pajjiż fejn, minkejja l-“miraklu” ekonomiku, madwar 16% tal-popolazzjoni tinsab fir-riskju tal-faqar.”
Bl-istess mod, il-Kollettiv fakkret illi ma ġewx diskussi wkoll realtajiet importanti fosthom l-għoli tal-ikel u l-monopolju tal-importaturi, is-sostenibbiltà tas-sussidji fuq l-enerġija, kif ukoll l-istat tad-drittijiet f’Malta, fosthom dawk tal-minoranzi kif ukoll tal-ħaddiema li qed jiġu importati f’kundizzjonijiet ta’ skjavitù, mingħajr dinjità u drittijiet.
Intant, titkellem fuq il-kandidat indipendenti Arnold Cassola, il-Kolletiv qalet li minkejja kollox huwa ħareġ bħala r-rebbieħ morali ta’ din l-elezzjoni.
“Il-voti li ġab fl-ewwel rawnd, iżda anke l-kampanja tiegħu, jixhdu l-ħtieġa għal leħen kredibbli li jista’ jisfida d-duwopolju politiku bi proposti konkreti u politiki ċari,” żiedet tgħid.
“Nemmnu li l-elettorat huwa mdejjaq bil-medjokrità li trabbiet fuq il-bankijiet parlamentari tul dawn l-aħħar snin, u li jrid nies ta’ fiduċja sabiex jiggvernawh. Wasal iż-żmien li ssir riforma elettorali li tirrispetta x-xewqat elettorali ta’ poplu li jrid jinħeles minn duwopolju suffokanti, li qed jifga l-kwalità tal-ħajja tal-poplu u anke l-opportunitajiet tiegħu għall-bidla.”
Fid-dawl tar-riżultati tal-bieraħ, il-Kollettiv tennet l-impenn tagħha lejn ir-residenti u l-komunitajiet tal-pajjiż.
“L-għan tagħna huwa li noffru għażla politika ġdida għall-elezzjonijiet ġenerali li jmiss, b’viżjoni msejsa fuq il-prinċipji u l-valuri tal-ugwaljanza, tal-preżervazzjoni u l-ħolqien tal-ġid komuni, u tal-ġustizzja soċjali.”