Bernard Grech: ‘PL jibqa’ fil-Gvern it-Tnejn, imma dan hu messaġġ ċar kontra l-arroganza’

Filwaqt li jikkonferma d-distakk viċin il-15,000, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal l-imħabba tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ lejn in-nies u lejn il-parti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jirreaġixxi għar-riżultat tal-elezzjoni. (Ritratt: NET News)
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jirreaġixxi għar-riżultat tal-elezzjoni. (Ritratt: NET News)

Filwaqt li jikkonferma d-distakk viċin il-15,000, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal il-Ħadd wara nofsinhar li dan huwa l-aqwa riżultat f’elezzjoni Ewropea, għall-Partit Nazzjonalista.

“Il-Partit Laburista jibqa’ fil-gvern it-Tnejn, imma dan hu messaġġ ċar għal min jaħseb li jista’ jkun arroganti,’ Grech qal bl-iktar vuċi kalma.

Grech qal li l-vot tal-bieraħ kien l-aqwa, u l-unika sondaġġ li jgħodd, minkejja n-numru ta’ sondaġġi li seħħew matul ix-xhur li għaddew.

Żied jgħid li l-mod kif ivvotaw in-nies, huwa sinjal ċar li l-poplu tkellem kontra “stil ta’ tmexxija lil hinn min-nies.”

“Niftakru minn fejn tlaqna, niftakru minn xix għaddejna. Kellek Gvern li prova saħansittra jinfluwenza r-riżultat imma sodisfatt li l-poplu jrid tmexxija kalma, u serja.”

Intant jitkellem fuq il-futur, Grech qal li l-imħabba tal-partit tibqa’ lejn in-nies u lejn il-partit.

Huwa rringrazzja l-poplu Malti u Għawdxi, li emmen li l-PN jista’ jimxi l-quddiem.

Jirreferi għas-sitwazzjoni ta’ Jean Paul Sofia, u l-attitudni tal-Gvern fil-konfront ta’ omm Sofia, Isabelle, huwa qal li l-Gvern wera’ biċ-ċar “politika arroganti.”

“Imma jien mhux qiegħed hawn biex nitkellem fuq dan,” Grech temm jgħid, “anzi jien qiegħed hawn biex nitkellem fuq il-ħajja tan-nies.”

“Aħna qegħdin hawn għalik. Grazzi talli kont hemm għalik.”

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024