Kliem ix-xiħ żomm fih? Anzjani jagħtu pariri lin-neputijiet tagħhom f'kampanja ġdida tal-PE

Ara l-filmat uffiċjali tal-kampanja tal-Parlament Ewropew għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej bit-tema; ‘Uża l-vot tiegħek. Inkella ħaddieħor se jiddeċiedi għalik’

Jniedi il-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej, il-Parlament Ewropew, emfasizza l-importanza tad-demokrazija permezz tas-slogan “Uża l-vot tiegħek. Inkella ħaddieħor se jiddeċiedi għalik”.

Bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024, aktar minn 370 miljun persuna f’27 Stat Membru se jissejħu biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej.

Fost l-isforzi biex jasal il-messaġġ liċ-ċittadini hemm filmat ta’ 4 minuti li jinkludi t-testimonjanza ta’ ċittadini anzjani, minn pajjiżi differenti tal-UE.

Huma jirrakkontaw l-istejjer tagħhom dwar id-demokrazija lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom u jisħqu li dan id-dritt demokratiku ma jistax jitqies bħala fatta.

Bl-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi li qed jikbru u bl-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2024 wara l-bieb, il-Parlament Ewropew tenn l-impenn tiegħu li jrawwem id-djalogu, l-unità u ċ-ċittadinanza attiva.

Bl-islogan “Uża l-vot tiegħek. Inkella ħaddieħor se jiddeċiedi għalik” il-PE qed jittama li jfakkar li d-demokrazija hija wirt prezzjuż li kollha kemm aħna rridu nrawmu u nħarsu.

L-interess fl-elezzjonijiet tal-UE qed jiżdied

Fl-2019, aktar minn nofs il-votanti eliġibbli fl-Ewropa ħarġu jivvutaw (50.6%).

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tar-rebbiegħa 2024 f’isem il-Parlament Ewropew, li għalih wieġbu aktar minn 26,000 ruħ fl-Istati Membri kollha tal-UE, wera li 60% tal-Ewropej huma interessati fl-elezzjonijiet tas-6-9 ta’ Ġunju 2024.

Dan jindika 11-il punt aktar mir-rebbiegħa tal-2019 (tliet xhur qabel l-elezzjonijiet Ewropej li għaddew). Barra minn hekk, 71% jgħidu li probabbilment jivvutaw. Għal darb’oħra dan jindika 10 punti aktar mill-aħħar elezzjoni.

Skont l-istess Ewrobarometru, f’Malta hemm aktar interess fil-votazzjoni mill-medja tal-UE, bi 68% issa jgħidu li huma interessati fl-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju (+ 11 pp meta mqabbla ma’ Frar/Marzu 2019, qabel l-aħħar elezzjonijiet Ewropej) u 72% jgħidu li x’aktarx jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin (+ 3 pp meta mqabbla mal-indikazzjonijiet qabel l-aħħar elezzjoni Ewropea fl-2019).

L-istħarriġ jissuġġerixxi wkoll li erbgħa minn kull ħames Ewropej jaqblu li “l-votazzjoni hija importanti biex id-demokrazija tibqa’ b’saħħitha” (81%) u li “l-votazzjoni hija importanti biex jiġi żgurat futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li jmiss” (84%). Aktar minn tmienja minn kull għaxar Ewropej (81%) jemmnu li l-votazzjoni hija saħansitra aktar importanti fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali.

Il-filmat “Uża l-vot tiegħek” flimkien ma’ disa’ verżjonijiet oħra għat-televiżjoni, iċ-ċinema, ir-radju u l-midja soċjali se joħorġu fl-Istati Membri kollha mid-29 ta’ April 2024.

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024