Il-linja tal-ajru KM Malta se topera titjiriet żejda, u b’tariffi speċjali għall-votanti eliġibbli, sabiex itiru lejn u minn Malta għall-elezzjonijiet Ewropej u lokali.
Il-linja tal-ajru qalet fi stqarrija l-Ġimgħa filgħodu li dawn il-linji se joperaw matul il-perjodu tas-27 ta’ Mejju, sal-14 ta’ Ġunju, bl-ewwel data tar-ritorn tkun l-1 ta’ Ġunju u d-data finali tal-ivvjaġġar lejn Malta tkun it-8 ta’ Ġunju.
Il-bookings se jkunu għall-bejgħ mit-2 ta’ Mejju sat-8 ta’ Ġunju u r-riżervazzjonijiet jistgħu jsiru biss permezz tan-numru ta’ KM Malta Airlines, +356 2141 8118, mit-Tnejn sal-Ħadd bejn it-8am u l-4:30pm.
Nol speċjali ta’ €90
Persuni eliġibbli biex jivvutaw u li isimhom jidher fir-reġistri elettorali ppubblikati mill-Kummissjoni Elettorali, inklużi d-dipendenti diretti tagħhom (eżempju wild ta’ taħt it-18-il sena), se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn tariffa elettorali speċjali ta’ €90 (inklużi t-taxxi u l-ħlasijiet kollha).
Trabi li ma jkunux għalqu t-tieni għeluq sninhom jistgħu jivvjaġġaw bi ħlas ta’ €9.
L-ivvjaġġar se jkun permess fuq titjiriet operati minn KM Malta Airlines biss u l-ivvjaġġar kollu jrid minn u mill-istess ibliet.
Il-biljetti se jkunu mhux rimborsabbli u l-ebda bidla fid-dati tal-ivvjaġġar mhi permessa.
Dawk il-votanti eliġibbli li jikkwalifikaw għal dawn in-nollijiet speċjali, u li diġà għamlu prenotazzjoni alternattiva ma’ KM Malta Airlines għall-ivvjaġġar fil-perjodu definit mis-27 ta’ Mejju sal-14 ta’ Ġunju, jistgħu jitolbu jew rifużjoni sħiħa tal-biljett imħallas jew li bbidlu l-biljetti tagħhom għal dati differenti ta' vjaġġar mingħajr ħlas ħlief id-differenza fin-nol tal-biljetti l-ġodda.
Titjiriet żejda
KM Malta Airlines ħabbret ukoll li se topera titjiriet żejda lejn Brussell u Londra Gatwick fid-dati li ġejjin:
L-Erbgħa 5 ta’ Ġunju
Malta/Londra Gatwick/Malta (am)
Malta/Londra Gatwick/Malta (pm)
Il-Ħamis 6 ta’ Ġunju
Malta/Brussell/Malta (am)
Il-Ħadd 9 ta’ Ġunju
Malta/Londra Gatwick/Malta (pm)
It-Tnejn 10 ta’ Ġunju
Malta/Brussell/Malta (am)
Malta/Londra Gatwick/Malta (pm)