Studenti fi Vjenna jattakkaw lil Metsola bil-frażi 'demm fuq idejk' rigward il-Palestijani

Roberta Metsola tirċievi attakki minn studenti Awstrijaċi dwar il-pożizzjoni tal-UE dwar il-Palestina hekk kif bdew jgħajtu “Demm f’idejk”

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola affaċċjat studenti jgħajtu “Demm fuq idejk” u frażijiet favur il-Palestinjani waqt sessjoni ta’ Q&A (question and answer) fl-Università ta’ Vjenna.

Nhar l-Erbgħa, Metsola kienet mistiedna mill-fakultà tal-liġi tal-università għas-sessjoni ta’ Q&A, fejn l-istudenti setgħu jistaqsuha l-mistoqsijiet. Skont PressTV, mistoqsijiet li saru dwar il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina tħassru mill-moderaturi tal-avveniment.

Il-President tal-PE ġiet mistoqsija dwar id-dewmien tal-UE biex tiggarantixxi għajnuna umanitarja għall-Palestinjani, hekk kif il-folla ta' studenti aktar tard bdiet tgħajjat, "Palestina Ħielsa" u "Demm f’idejk."

Xi wħud mill-istudenti kienu ttieħdu ‘l barra mis-sala wara li qassmu fuljetti lill-bqija tal-folla.

Huwa mifhum li Metsola ripetutament iddikjarat li l-istituzzjoni li tmexxi hija l-unika istituzzjoni tal-UE li qed titlob waqfien mill-ġlied fir-reġjun.

F’Novembru li għadda, Metsola ħabtet wiċċha ma’ kritika simili lokalment wara li grupp ta’ studenti tal-MCAST laqgħuha b’posters u li qed tħalli jitwettaq ġenoċidju. 

Nhar il-Ġimgħa, Metsola pproponiet it-twaqqif ta' taskforce mmexxija mill-UE biex "tivvaluta l-konsegwenzi soċjoekonomiċi" mir-ritaljazzjoni tal-Baħar l-Aħmar tar-ribelli Houthi b'reazzjoni għall-gwerra ta' Iżrael fuq Gaża.

Hawnhekk, qalet li, "Is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża hija ddisprata," u li l-UE trid tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura aktar għajnuna.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024