Kif napplikaw il-liġi trid turi l-umanità, tgħid Metsola dwar il-kawża ta' Dismark

"Kif qrajtha l-istorja, lili tagħtni għafsa ta’ qalb kbira... Nixtieq li l-liġi tagħna u kif napplikawha turi l-umanità," qalet Metsola

Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li l-politika tal-immigrazzjoni ta’ Malta u kif tiġi applikata trid "turi l-umanità”, f’kumment li għaddiet dwar id-destin ta’ Kusi Dismark, il-barbier tal-Ħamrun li se jiġi deportat.

F’intervista ma’ Andrew Azzopardi tal-programm RTK103, Metsola qalet li l-liġi dwar l-immigrazzjoni trid tiżgura li n-nies ma jitħallewx “imutu fl-ibħra tagħna imma li dejjem naħdmu favur l-umanità.” Hija kkummentat dwar id-deportazzjoni ta’ Dismark billi qalet li għandu jkun hemm differenza bejn ir-regoli u l-mod kif jiġu applikati.

"Kif qrajtha l-istorja, lili tagħtni għafsa ta’ qalb kbira... Nixtieq li l-liġi tagħna u kif napplikawha turi l-umanità," qalet Metsola.

Filwaqt li l-MEP ma daħlitx aktar fid-dettal, hija qalet li "tappoġġja" il-kawża ta' Dismark.

Kusi Dismark, il-barbier tal-Ħamrun li nżamm minn uffiċjali tal-immigrazzjoni ħmistax ilu, se jiġi deportat il-Ġimgħa wara li kien ilu jgħix Malta 13-il sena.  

Dismark inżamm minn uffiċjali waqt li kien qed jaħdem fil-ħanut tiegħu fil-Ħamrun bl-awtoritajiet jgħidulu li kien suġġett għal ordni ta’ tkeċċija mill-2011. Ħbieb, ġirien u anke sid il-kera kienu qalu lil Times of Malta li Kusi kien raġel ħabrieki, li fi 13-il sena kien bena ħajja ġdida għalih billi saħansitra studja kors fl-MCAST u fetaħ in-negozju tiegħu fi Triq il-Kbira tal-Ħamrun. “Jien imbeżża' ... imwerwer. Se nerġa' nibda ħajti mill-ġdid ta' 37 sena,” qal Kusi lill-midja.

Il-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta kkundannat id-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet li jkeċċu lil Dismark.

“Dismark mhuwiex żball amministrattiv. Hu ma talabx li jitħalla fil-limbu għal 13-il sena. Dismark ipprova jibni ħajja għalih innifsu, u rnexxielu minkejja ċ-​ċirkustanzi taʼ ħajtu. Irnexxielu jaħdem, jistudja u jiftaħ negozju, iħallas it-taxxi u l-VAT dovuti, sar parti mill-komunità multikulturali tal-Ħamrun,” qal il-Prof. Colin Calleja, dekan tal-fakultà tal-edukazzjoni.

“Id-deċiżjoni li jiġi deportat, għalkemm tkun fi ħdan il-liġi, hija krudili u inumana, u se teqred dak kollu li Dismark bena f’dawn it-13-il sena. Nappellaw lill-awtoritajiet biex ireġġgħu lura d-deċiżjoni tagħhom u jippermettu lil Dismark jibqa’ Malta u jkompli jkun ta’ servizz għall-komunità tiegħu.”

Il-komunità tal-migranti, assistita minn għaqdiet mhux governattivi fosthom Aditus u Moviment Graffitti, se torganizza protesta kontra d-deportazzjoni ta’ Dismark nhar il-Ħadd li ġej. Huma qed jitolbu għall-ħelsien immedjat ta’ Kusi Dismark, filwaqt li jitolbu wkoll it-tmiem tar-rejds tal-gvern li “jżommu u jheddu li jiddeportaw” membri tal-komunità tal-immigranti li jirrispettaw il-liġi.

Il-protesta se ssir il-Ħadd, 25 ta’ Frar fit-3pm fi Pjazza l-Ħamrun. Il-punt eżatt tal-laqgħa se jkun quddiem il-Ħamrun Kiosk, fejn tibda l-protesta u timxi lejn il-Belt Valletta

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024