Il-bidwi Malti jieħu kwart tas-sussidji meta mqabbel ma' bidwi Taljan - Peter Agius

Il-bidwi Malti jieħu kwart tas-sussidji meta mqabbel mal-kompetitur tiegħu fl-Italja skont kif innegozja l-Gvern Laburista

‘Il-bidwi Taljan qed jieħu kważi erba’ darbiet aktar sussidju mill-Malti għall-istess prodott li imbgħad jispiċċa esportat lejn Malta. Mhux ta’ b’xejn il-bidwi Malti ma jistax jikkompeti!’ qal il-kandidat tal-PN għall-Ewropa Peter Agius, li tefa’ t-tort f’ħoġor il-gvern Laburista.

Riċerka tal-Kandidat MEP Peter Agius dwar l-għajnuniet diretti li jirċievi s-settur tal-agrikoltura turi li l-bdiewa Maltin qed jircievu ħafna inqas sussidju mill-Gvern Maltin kkomparat ma kemm jirċievu l-bdiewa Taljani mill-Gvern tagħhom. 

Dejta mill-aħħar pjanijiet strateġiċi nazzjonali tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) sottomessi miż-żewġ gvernijiet fl-2022 turi li s-sussidji tal-UE għal kategoriji ta’ prodotti friski fl-Italja huma superjuri għal Malta.

Il-bdiewa f’Malta se jieħdu massimu ta’ €1,400 għal kull ettaru għall-ħaxix u l-legumi, meta mqabbel ma’ €4,100 għall-bdiewa Taljani fuq l-istess prodott. “Dan jammonta għal €2,700 differenza li l-bidwi Malti jrid ipatti biex jikkompeti fuq l-istess livell ma’ prodotti importati, li jwassal għal sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta b’mod permanenti,” qal Agius.

Agius tefa’ lill-amministrazzjoni Laburista d-diskrepanza fis-sussidji tal-biedja.

“L-inkompetenza tal-Gvern qed twassalna biex il-bidwi Malti jfalli kompletament għax mhux kapaċi jużaw l-Unjoni Ewropea biex tgħin tassew lill-bidwi jipproduċi l-ikel bnin u lokali.”

“Ħarsa lejn il-Pjan Strateġiku Nazzjonali tal-PAK Malti wkoll turi żvantaġġ ċar għall-agrikoltura Maltija, peress li f’Malta 55% biss tal-art agrikola hija ddikjarata għall-finijiet tal-PAK meta mqabbla ma’ 80% fl-Italja,” żied Agius.

Dan ifisser li l-bdiewa Maltin mhux biss jirċievu inqas sussidji għal kull ettaru mill-ewwel pilastru tal-PAK, iżda wkoll jużaw inqas mill-art agrikola disponibbli għall-kopertura tas-sussidji tal-UE.

Dan iwassal għal sitwazzjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv sistemiku u telf gradwali u inevitabbli tas-sehem tas-suq – fl-2004, il-prodott Malti kien 60% tas-suq tal-ikel kollu mal-adeżjoni mal-UE, iżda dan issa naqas għal 20%.

“L-ikel prodott f’Malta qed jiġi mbuttat barra mis-suq b’disinn. Dan jirriskja li jkollu konsegwenzi traġiċi kemm għall-inflazzjoni tal-ikel, peress li qed inħallsu spejjeż ogħla tat-trasport, għall-ambjent minħabba l-emissjonijiet involuti, u l-aktar importanti għall-insigurtà tal-ikel,” qal Agius.

“Malta hija bla dubju l-istat membru tal-UE l-aktar f’riskju ta’ nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel, fejn għandna l-iżgħar produzzjoni ta’ ikel organiku u l-ogħla età medja ta’ bdiewa li jaħdmu l-art tagħna. Hija ċara li dan irid jitreġġa’ lura jew inlestu ruħna għal prezzijiet tal-ikel ogħla jew saħansitra nkunu f’riskju ta’ kriżi internazzjonali ta’ għaks.” qal Agius.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024