Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola żaret Seifert Systems f’Ħal Far

Bħala parti mill-kampanja tagħha għall-elezzjonijiet tal-parlament Ewropej u fit-tieni nniversarju tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola żaret Seifert Systems f’Ħal Far, kumpanija li nvestiet €12-il miljun biex testendi l-fabbrika tagħha f’Malta

Bħala parti mill-kampanja tagħha għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u anke fid-dawl ta’ kritika mill-Soċjalisti li qed tuża fondi mill-parlament għal skopijiet personali, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola żaret Seifert Systems f’Ħal Far fit-tieni anniversarju tagħha bħala President. 

Il-kumpanija, b’aktar minn 55 sena esperjenza u kompetenza fi ħdan l-Industrial Thermal Management, dan l-aħħar għamlet investiment ta’ €12-il miljun biex testendi l-fabbrika tagħha f’Malta, b’hekk tibbenefika minn fondi tal-UE permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).
Matul iż-żjara, id-Direttur Maniġerjali u CEO ta’ Seifert Systems Michael Seifert spjega lill-President Metsola d-diversi tipi ta’ operazzjonijiet li saru mill-kumpanija.
Metsola stqarret li s-Suq Uniku tagħna huwa wieħed mill-akbar kisbiet u għandna nibnu fuqu mingħajr ma niframmentawh.  Is-Suq Uniku jipprovdi mogħdija għan-negozji biex jidħlu fis-swieq globali, kompliet tgħid Metsola. 
Waqt din iż-żjara, Metsola ltaqgħet ma’ studenti u staff akkademiku fl-Iskola San Ġużepp, f’Tas-Sliema fejn ġiet milqugħa minn kamra mimlija żgħażagħ. 

Metsola ħeġġet lill-istudenti biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u jinvolvu ruħhom fil-kunsilli tal-istudenti u fl-organizzazzjonijiet filwaqt li rrakkontant memorji ta' meta hija kienet studenta. 
Metsola indirizzat mistoqsijiet minn studenti li jvarjaw mill-ambjent, sfidi li jiffaċċjaw in-nisa u kif l-UE qed tindirizzahom, fost oħrajn.
Metsola temmet tgħid li l-Ewropa għandha pjanijiet kbar għaż-żgħażagħ sabiex il-pajjiż jkollu spazji ta' ambjent aktar sostenibbli, b'arja friska u spazji miftuħa. Filwaqt li sostniet li l-Ewropa se toffri aktar opportunitajiet permezz ta' Erasmus+ biex studenti jesploraw bliet oħra.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024