Metsola, kawta imma wriet qbil f’ċerti każijiet dwar sorveljanza

Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri fejn ikun hemm il-kapijiet tal-Istat, il-President tal-Parlament Ewropew u Membru Parlamentari Maltija Roberta Metsola, uriet tħassib tal-Parlament Ewropew għad-dikjarazzjoni ta’ xi pajjiżi dwar is-sorveljanza ta’ ġurnalisti hekk kif kien qed jiġi ffinalizzat il-Media Freedom Act

Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri fejn ikun hemm il-kapijiet tal-Istat, il-President tal-Parlament Ewropew u Membru Parlamentari Maltija Roberta Metsola, uriet tħassib tal-Parlament Ewropew għad-dikjarazzjoni ta’ xi pajjiżi dwar is-sorveljanza ta’ ġurnalisti hekk kif kien qed jiġi ffinalizzat il-Media Freedom Act. Imma qabel il-laqgħa, Metsola, li hija kkunsidrata bħala l-kap li jmiss tal-Partit Nazzjonalista, stqarret li hi tifhem li f’ċerti każijiet ma jistax ikun li pajjiżi ma jkollhomx id-dritt li japplikaw sorveljanza fuq ġurnalisti. Fejn tidħol is-sorveljanza fuq il-ġurnalisti, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet irrikonoxxiet li spyware ma jistax ma jiġix ikkunsidrat. 

Skont Politico, Metsola kienet qed tindirizza lill-mexxejja Ewropej il-Ħamis, ġurnata qabel l-aħħar negozjati bejn il-Parlament Ewoprew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fuq l-Att Ewropew tal-libertà tal-Midja. 

Ir-rapport innota li filwaqt li Metsola kienet qalet li spijar fuq il-ġurnalisti m’għandux jiġi leġittimizzat, hija qalet li għandu jkun hemm miżuri li jipproteġu u/jew jipprevenu dan, filwaqt li rrikonoxxiet li din il-forma ta’ sorveljenza ma tistax tiġi kompletament projbita. 

Dan l-att reċentement kien fuq l-aħbarijiet lokali, hekk kif Malta kienet fost seba’ stati tal-UE li riedu jiżguraw li l-att ikollu klawsola li tawtorizza s-sorveljanza tal-ġurnalisti jekk dan ikun jista’ jipproteġi s-sigurtà nazzjonali. 

Tant hu hekk, l-Ispanjoli ħarġu b’konklużjonijiet li jirrispekkjaw l-inkwiet li kellhom l-Istati. Il-proposta Spanjola tgħid: 

  1. tkun provduta mil-liġi nazzjonali jew liġi tal-Unjoni;  

  1. tkun konformi ma’ Artiklu 21(1) tal-liġijiet taċ-Charter u oħrajn;  

  1. tkun iġġustifikata fuq bażi ta’ każ b’każ minn raġuni l-iktar importanti għall-interess pubbliku u huwa proporzjonat; u  

  1. tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità li tieħu deċiżjoni imparzjali jew, f’każijiet iġġustifikati, eċċezzjonali u urġenti, tiġi awtorizzata mill-awtorità mingħajr ebda dewmien.

Intant kelliema tal-Parlament Ewropew f’reazzjoni għall-artiklu qalu: “Dak li qalet il-President Metsola, u dak li ġie rrapurtat f’media oħra, hu li l-ġurnalisti għandhom ikunu salvagwardjati kontra l-ispjunaġġ; u li filwaqt li jista’ jkun hemm użu leġittimu tat-teknoloġija għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, għandu jkun hemm salvagwardji li jiżguraw li dawn ma jintużawx kontra l-ġurnalisti.”

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024