Il-Parlament Ewropew appella għall-iżvilupp ta’ prodotti diġitali etiċi

Il-vizzju diġitali jtellef il-konċentrazzjoni tat-tfal, il-leġiżlaturi tal-Parlament Ewropew jitolbu salvagwardji u prodotti diġitali etiċi li ma jiddependux fuq mudelli skuri u disinji li jkabbru l-vizzju; filwaqt li jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida kontra l-vizzju fil-logħob diġitali, l-apps, u l-midja soċjali

Il-Parlament Ewropew talab lil Brussell biex jindirizza l-lakuni legali eżistenti u jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida kontra l-vizzju fil-logħob diġitali, l-apps, u l-midja soċjali.

F'rapport appoġġjat minn 545 Membru Parlamentari Ewropew (MPE) (12-il vot kontra, 61 astensjoni), wissew dwar in-natura ta' vizzju li joħolqu logħob online, midja soċjali, servizzi ta’ streaming u swieq online permezz ta’ kif ikunu ddisinjati. Dawn jisfruttaw mill-vulnerabbiltà ta’ dawk li jużawhom billi jattirawhom. Minn dawn il-mezzi saħanstira kapaċi jieħdu d-data u jaqilgħu l-flus minn fuqha.

L-MPEs qed jgħidu lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżid il-ħarsien tal-konsumatur permezz ta’ alternattivi aktar siguri, anke jekk dawn ma jkunux daqshekk profittabbli għall-pjattaformi tal-midja soċjali.

Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tevalwa l-ħtieġa li taġġorna ċerta leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni fl-ambjent diġitali, bir-riżultati huma mistennija jidhru fl-2024.

L-MEP Olandiż Kim Van Sparrentak (Ħodor) saħqet li l-ebda awto-dixxiplina ma tista’ tegħleb il-ħasba inġenjuża ta’ Big Tech. Inġenwità maħsuba b’reqqa minn disinjaturi u psikologi biex iżommuk mwaħħal quddiem screen.

Kompliet tgħid li jekk ma naġixxux issa, dan se jħalli impatt fuq is-saħħa mentali u l-iżvilupp tal-moħħ tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Van Sparrentak sostniet li l-Parlament Ewropew qed jibgħat sinjal qawwi ħafna, li l-Unjoni Ewropea trid tkun l-ewwel fid-dinja li tindirizza l-vizzju li jġib miegħu d-disinni tas-servizzi online.

Filwaqt li jirrikonoxxu l-effett pożittiv li jista’ jkollha l-midja soċjali fuq is-soċjetà, il-MPE huma mħassba dwar il-ħsara fiżika, psikoloġika u materjali li jista’ jkollu d-disinn ta’ logħob, li jingaġġak f’vizzju, itelliflek il-konċentrazzjoni u kapaċità konjittiva, tħossok mentalment u fiżikament eżawst, stress, dipressjoni, attività fiżika limitata.

L-użu ta’ mobile jew l-użu ta’ internet ġie marbut ma’ sodisfazzjon tal-ħajja aktar baxx u sintomi tas-saħħa mentali bħal dipressjoni, stima baxxa, ansjetà, nuqqas ta’ rqad u mġiba ossessiva-kompulsiva, bit-tfal u ż-żgħażagħ l-aktar vulnerabbli.

Iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-24 sena jqattgħu medja ta’ aktar minn seba’ sigħat kuljum fuq l-internet, b’wieħed minn kull erbgħa juri użu problematiku ta’ mobile li jixbaħ vizzju.

Jekk ma jiġix indirizzat, qalu Van Sparrentak u l-MPE li jappoġġjaw, il-Parlament għandu juża d-dritt tiegħu ta' inizjattiva leġiżlattiva.

Ir-rapport ġie msejjaħ għal valutazzjoni u projbizzjoni ta’ tekniki ta’ vizzji li jikkaġunaw ħsara li mumiex koperti mid-direttiva dwar Prattika Kummerċjali Inġusta, bħal notifiki, skrolljar infinit, u vidjows li jintwere wieħed wara l-ieħor awtomatikament.

L-MEPs qalu wkoll li l-kumpaniji għandhom ikunu obbligati jiżviluppaw prodotti u servizzi diġitali etiċi u ġusti “b’disinn” mingħajr mudelli skuri, disinn qarrieqi, jew li joħloq vizzju.

Biex tittaffa n-natura ta’ vizzju tal-pjattaformi u tagħti s-setgħa lill-konsumaturi, il-Kummissjoni hija mħeġġa tippreżenta opzjoni diġitali "dritt li ma tiġix disturbat" (do not disturb)

L-MEPs iridu wkoll li l-Kummissjoni toħloq lista ta’ prattiki ta’ disinn tajbin bħal “aħseb qabel ma taqsam”, it-tifi tan-notifiki awtomatikament, u sommarji tal-ħin totali tal-iscreen fost oħrajn

Huma jipproponu wkoll kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jiġu kkultivati ​​drawwiet online aktar siguri u aktar tajbin għas-saħħa.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024