Sitt xhur fi tmun tal-PE: Kollox fil-miżien hekk kif l-ewropej jistennew is-soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja

Roberta Metsola mill-ewwel sabet ma' wiċċha gwerra li qed thedded is-sigurtà, il-fornitura ta' gass u l-istabilità fil-prezzijiet tal-ikel, ftit wara li ġiet eletta President tal-Parlament Ewropew. Se jirnexxielha żżomm bilanċ bejn il-bżonn ta' azzjoni kontra invażjoni u l-bżonn li jiġu trattati l-isfidi li ħolqu s-sanzjonijiet ewropej? L-ILLUM tanalizza...

Ritratt: Parlament Ewropew
Ritratt: Parlament Ewropew

Roberta Metsola ilha fil-kariga ta' President tal-Parlament Ewropew sitt xhur issa. Il-gazzetta ILLUM kienet preżenti nhar it-18 ta' Jannar li għadda - meta Maltija sabet postha fl-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew. Sitt xhur wara nanalizzaw l-aktar mumenti partikolari ta' din il-Presidenza, li ma kienet xejn jekk mhux mimlija sfidi ppreżentati l-aktar minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.  

Eletta - tintlaqa' b'applaws ġenerali lokalment  - għalkemm mhux kulħadd! 

Quddiem Plenarja fi Strasburgu wara li tħabbar ir-riżultat intqal il-kliem "Il-President" b'Metsola tieħu postha għaċ-ċapċip tal-Membri Parlamentari preżenti. Hija kisbet riżultat qawwi ħafna ta' 458 vot minn 616-il vot validu, jew 74%.  

Dan ir-riżultat kien possibbli wara qbil politiku bejn l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) u  il-Partit Popolari Ewropew (l-EPP).  

Lokalment dan ir-riżultat kien milqugħ b'mod tajjeb, inkluż mill-Prim Ministru Robert Abela bir-ritratt famuż tiegħu u ta' Metsola jieħdu b'idejn xulxin, donnhom, donnhom se jagħmlu żifna. Iżda dan ir-ritratt ma niżilx tajjeb ma' kulħadd, speċjalment ma' dawk il-ħafna Laburisti li ma nsewx kif darba Metsola rrifjutat li tieħu b'idejn l-eks PM u eks Mexxej Laburista Joseph Muscat. Tant hu hekk li xħin ir-ritratt ta' Abela u Metsola beda jdur fuq il-midja soċjali, beda jdur l-ieħor ta' Muscat.  

Fi-realtà l-PM ma kellux għażla oħra għajr li jifraħ lil Metsola għal din il-kariga prestiġjuża fl-istituzzjonijiet ewropej, hekk kif mistenni minnu bħala Prim Ministru.  

Minkejja dawn il-vuċijiet ta' dissens ta' parti mhux insjinifikanti tal-poplu li jara f'Metsola persuna li apertament ikkritikat lil Gvern Malti fil-Parlament Ewropew - u allura li jqisuha bħala traditura - b'mod ġenerali l-partiti kollha, diversi għaqdiet u ħafna individwi ferħu lil Metsola għal din il-ħatra. Il-PN uża s-suċċess ta' Metsola daqslikieku kien tiegħu, ħafna votanti tradizzjonalment nazzjonalisti qalu li Metsola kienet "bdiet tirranġa ir-reputazzjoni tal-pajjiż" permezz ta' dan is-suċċess u oħrajn awgurawlha u urew ix-xewqa li xi darba tiġi lura Malta u "ssalva l-PN." Inċidentalment din tal-aħħar kienet mistqarra mill-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo. 

...ċapċulha figħodu kkundannawha filgħaxija! 

Imma lanqas biss kienet għadha daħlet l-uffiċċju tagħha li Metsola ma spiċċatx mill-ewwel, fl-ewwel kontroversja. Il-ġurnal The Guardian jirrapporta: "EU parliament elects anti-abortion Maltese MEP as president." U minn hemmhekk fil-fatt mill-ewwel bdew il-mistoqsijiet dwar il-pożizzjoni ta' Metsola dwar l-abort, li niftakru illi fil-kuntest tal-Parlament Ewropew huwa meqjus bħala dritt tal-mara - kemm mill-S&D, mill-PPE, il-Liberali, il-Ħodor u anke x-Xellug - li flimkien jiffurmaw maġġoranza parlamentari qawwija.  

Metsola mill-ewwel laqgħet għal dan billi indikat li l-pożizzjoni tagħha dwar l-abort hija dik tal-Parlament Ewropew, u allura favur, għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti barranin - fl-ewwel konferenza tagħha - li ma tantx deheru konvinti mir-risposti tagħha dwar is-suġġett.  

Tant kien reali dan it-tħassib li fl-ewwel laqgħa tagħha mal-President Franċiż Emmanuel Macron - litteralment l-għada li kienet eletta - hija tat il-kelma tagħha illi tiffirma il-Patt Simone Veil li jiggarantixxi aċċess għall-abort lin-nisa u anke l-aċċess għall-kontraċettivi. Għalkemm dan ma jġiegħelx lil Malta ddaħħal l-abort, qed jitfa' aktar pressjoni biex dan fil-fatt isir.  

U b'hekk, f'inqas minn 24 siegħa, lokalment l-eroj bdiet tiġi kkundannata. Notevoli kienet ir-reazzjoni tal-Life Network Foundation li tikkampanja kontra l-abort. Din il-fondazzjoni ferħet lil Metsola filgħodu u esprimiet sens ta' kburija, iżda laqqmet "għarukaża" id-deċiżjoni tagħha li tiffirma dan il-Patt, ftit sigħat wara.  

Tfaqqa' gwerra! 

Pero' dawn is-sitt xhur kienu kkaraterizzati l-aktar b'dak li Metsola qalet u għamlet fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna. Il-Parlament Ewropew fil-fatt kien voċiferu ħafna kontra r-reġim ta' Putin u ta l-appoġġ qawwi lill-Ukrajna. Pero' din il-gwerra li għadha għaddejja sa issa għal Metsola (u għall-UE kollha) hija xi ftit ta' xafra li taqta' miż-żewġ naħat.  

Nibdew mill-fatt li l-President tal-Parlament Ewropew dehret li kienet b'saħħitha u deċiżiva quddiem din l-agressjoni partikolari li fil-bażiku tagħha mhi xejn għajr invażjoni ta' pajjiż.  

Metsola kienet fuq quddiem ta' Parlament li kien skjaċċanti kontra Putin u kienet fost l-ewwel li fil-bidu ta' April - meta kienet qed tindirizza lir-Rada, jiġifieri l-Parlament Ukren, qalet illi t-tragward ewropew għandu jkun dak li jitwaqqaf ix-xiri tal-gass kollu mir-Russja. Fl-istess diskors Metsola sostniet li l-ġlieda tal-Ukrajna, hija għall-valuri Ewropej, li elenkathom: Il-libertà, id-demokrazija u s-Saltna Tad-Dritt, inċidentalment ukoll valuri li dwarhom ġew ikkritikati u anke kkundannati pajjiżi tal-UE, bħall-Bulgarija, l-Ungerija u anke Malta. "Intom tafu li mingħajr dawn il-valuri ma hemm xejn iktar," sostniet il-President tal-Parlament Ewropew.   

"Għandna bżonn aktar sanzjonijiet u sanzjonijiet aktar ħorox. Aħna nafu li d-demm inxtered u ma aħniex se niddiżappuntawkom," wegħdet Metsola lir-Rada.  

U fil-fatt hekk għamlet hekk kif bagħtet messaġġi sottili u inqas sottili, flimkien mal-Parlament biex pajjiżi ewropej jieqfu jbiegħu ċittadinanza lir-Russi, xi ħaġa li bla dubju kienet indirizzata lejn il-Gvern Malti. F'Ġunju li għadda hija saħansitra ddeċidiet illi rappreżentanti ta' kumpaniji Russi mhux se jitħallew aktar jidħlu fil-Parlament Ewropew u dan, skont hi, għax dawn ma għandhomx jingħataw spazju biex ixerrdu 'n-narrattiva tossika Russa.' 

Sussegwentement il-Parlament Ewropew approva u appoġġja sanzjonijiet kontra l-Gvern ta' Putin wara insistenza permezz ta' riżoluzzjoni għal embargo assolut fuq żejt, gass u fjuwil Russu. Dan apparti elenku sħiħ ta' dibattiti mimlijin kundanni kontra Putin u r-Russja, bil-mexxej Ukren Volodomyr Zelensky saħansitra jkun mitlub jindirizza lill-Parlament Ewropew. 

Naturalment iżda, kull munita għandha ż-żewġ naħat. U aktar kemm se jgħaddi żmien, aktar se jikber l-inkwiet dwar nuqqasijiet fil-fornitura tal-gass u l-istituzzjonijiet ewropej aktar se jidħlu f'kontroversja, filwaqt li tikber il-pressjoni.  

In-nuqqas ta' gass, frott ir-restrizzjonijiet, huwa ta' inwkiet kbir għal ħafna pajjiżi speċjalment dawk fit-tramuntana tal-ewropa fejn tagħmel ħafna kesħa. Il-biża' reali hija li meta tasal ix-xitwa ma jkunx hemm biżżejjed fornitura biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jkessħu darhom. 

Dan kollu qed iwassal biex l-ewropej qed jaraw żieda qawwija fil-prezz tal-enerġija, li qed twassal biex l-inflazzjoni tispodi 'l fuq.  

U apparti dan, bħalissa l-Ewropa - inkluż Malta - qed tesperjenza żidiet qawwija wkoll fil-prezzijiet tal-ikel, speċjalment il-laħam, li wasslet għal mewġa ta' żidiet fil-prezzijiet fuq eluf ta' prodotti u servizzi. Dan kollu qed jiekol mid-dħul disponibbli tal-ħaddiema, speċjalment dawk bi qligħ baxx.  

L-Ażerbajġan u l-faħam... 

Dawn ir-realtajiet ifissru li l-UE qed ikollha tara x'se tagħmel biex tilqa' għall-effetti b'deċiżjonijiet li forsi jistgħu jkunu kontroversjali.  

Fost dawn hemm l-istqarrija tal-Ministru tal-Enerġija Ġermaniż, li qal illi fost miżuri li se jieħu l-pajjiż biex jilqa' għal din "il-kriżi" hemm dawk li jippermettu l-użu ikbar ta' impjanti li jaħdmu bil-faħam, kif ukoll sistema li permezz tagħha l-industrija tikkonsma inqas dawl. L-użu ta' impjanti tal-faħam huwa pass dijamettrikament oppost għad-direzzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea, li qed taħdem biex tilħaq il-miri għal Ewropa klimatikament newtrali b'użu tal-idroġenu, minflok il-gass. 

Naturalment l-UE kellha ddur għal għejjun oħra ta' gass - fosthom, kif rajna din il-ġimgħa, mal-Ażerbajġan - pass li għalkemm baqa' għaddej qisu xejn mhu xejn madwar l-Ewropa, lokalment qajjem ftit ta' kontroversja hekk kif l-eks PM Joseph Muscat akkuża lill-PN li ma qal xejn dwar dan, meta tant kien kritiku tal-ftehim li Malta kienet għamlet mal-istess Ilham Aliyev taħt il-Gvern tiegħu.  

Il-kritika kienet diretta l-aktar lejn Metsola u David Casa, li huma r-rappreżentanti tal-PN fil-Parlament Ewropew. Minkejja li Metsola ma setgħetx tikkummenta minħabba l-pożizzjoni tagħha Casa sostna li d-differenza bejn il-ftehim ta' Von Der Leyen ma' Aliyev u dak ta' Muscat, kien li fil-każ ta' Muscat il-midja ma kinitx mistiedna u li l-affarijiet ma sarux bi trasparenza, apparti li qal illi hemm "xamma ta' korruzzjoni."  

Dan xorta jħalli problema ta' fornitura għall-UE, għax mir-Russja l-UE kienet timporta 155 biljun metru kubu ta' gass, filwaqt li mill-Ażerbajġan se tkun qed timporta biss 12.  

Iktar kemm jgħaddi ż-żmien għalhekk il-morsa jaf aktar se tkompli tagħfas fuq il-ħaddiema, negozji u pensjonanti ewropej u allura Metsola tidħol fir-riskju li l-immaġini ta' President deċiżiva u b'saħħitha permezz ta' diskorsi qawwijin kontra Putin, jibdew jitilfu mill-effett u mill-appell tagħhom hekk kif l-ewropej jibdew iħossu dejjem aktar l-għafsa.  

Dan ipoġġi l-kredibilità tal-UE - inkluż tal-Parlament Ewropew - taħt test qalil kontra l-ħin, sabiex il-Parlament Ewropew (u allura Metsola) kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jiġu b'soluzzjonijiet li jagħmlu tajjeb għall-fornitura ta' dak li huwa bażiku (l-enerġija) u għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel, b'inflazzjoni li laħqet l-ogħla livelli fi snin twal.  

Tindirizza l-Knesset u taqla' ċapċip u diżapprovazzjoni 

Mument ieħor partikolari f'dawn is-sitt xhur kien meta l-President tal-Parlament Ewropew indirizzat l-Knesset - il-Parlament Iżraeljan. Hawnhekk - minkejja li fir-realtà ma qalet xejn daqstant kontroversjali u xokkanti - xorta qalgħet ċapċip imma anke diżapprovazzjoni qawwija. 

"Naf li hemm dawk li ma jaqblux u naf li kien hemm ħafna drabi li dan il-proċess beda u ma kompliex (il-proċess ta' paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina). Naf li kulħadd jara l-paċi bħala tragward u naf kemm hu diffiċli li tikkonvinċi omm li binha miet fil-proċess tal-paċi. U hemm ħafna ommijiet hekk, wisq... imma l-paċi hija l-unika triq 'l quddiem," qalet Metsola.  

Jidher iżda - xħin semmiet lir-Russja fid-dawl tal-invażjoni u t-theddid ta' dan il-pajjiż - irċeviet ħafna kritika u inqala' għajjat minn grupp ta' membri tal-Knesset. Biss qalgħet ċapċipa kbira meta mbagħad kompliet titkellem kontra l-vjolenza.  

Il-futur qarib se jkun wieħed determinanti ħafna u s-suċċess ta' Metsola, l-istituzzjoni li tmexxi u l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi se tiddependi fuq ir-riżultati u fuq kemm u kif se jintlaħaq bilanċ delikat ħafna, bejn l-UE li żżomm il-pożizzjoni tagħha kontra invażjoni - pero' tippromovi l-paċi (xi ħaġa li ma jidhirx li qed issir biżżejjed f'dan il-konfront politiku) u l-bżonn li l-ewropej ma jarawx il-livell ta' għixien tagħhom jieħu daqqa l'isfel, filwaqt li jinħolqu mill-ġdid diżugwaljanzi soċjali fi stati membri u bejn stat membru u ieħor.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024