Proposta tikketta ewropea għal turiżmu sostenibbli biex l-UE tgħin lill-gżejjer fi ħdanha

Il-Parlament Ewropew jagħti ħarsa lejn l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer fl-UE - fosthom Malta u speċjalment Għawdex: Mill-bidla fil-klima, il-konnettività, id-dipendenza eseġerata fuq it-turiżmu u l-eżodu minnhom taż-żgħażagħ...

Kont taf li fl-Unjoni Ewropea hemm b'kollox 2,400 gżira li b'kollox jinsabu fi 13-il pajjiż membru? U kont taf li b'kollox hawn tliet gżejjer li huma Stati Membri, fosthom Malta? U kont taf li fihom kollha jgħixu madwar 20 miljun persuna?  

Il-Parlament Ewropew mhux biss jifhem l-importanza tal-gżejjer iżda din il-ġimgħa approva wkoll riżoluzzjoni propju dwar il-gżejjer u kif dawn jistgħu jgħelbu d-diversi sfidi li qed jiffaċċjaw: Minn soċjali għal dawk klimatiċi għal dawk ekonomiċi.  

Il-Parlament qed jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi appoġġ finanzjarju speċifiku u addizzjonali għal turiżmu sostenibbli fi gżejjer żgħar, li jfakkar illi ġeneralment ikunu jiddependu ħafna mit-turiżmu, u allura it-tkabbir ekonomiku jkun staġjonali ħafna. Din hija realtà f'ħafna gżejjer - fosthom f'Għawdex- li minkejja illi ddiversifikat fis-setturi ekonomiċi li topera, xorta baqgħet tiddependi b'mod qawwi ħafna fuq it-turiżmu.  

Il-Parlament għalhekk qed jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi tikketta Ewropea tat-turiżmu sostenibbli biex tippromovi l-punti b'saħħithom u l-isforzi tal-gżejjer u tar-reġjuni iktar insulari.  

Ir-riżoluzzjoni approvata nhar is-7 ta' Ġunju tfakkar illi ekonomija li hija bbażata biss fuq it-turiżmu twassal għal vulnerabbiltajiet staġjonali bħad-differenzi fir-riżorsi finanzjarji bejn l-istaġun għoli tat-turiżmu u dak baxx. U għalhekk il-Parlament qed ifakkar fl-importanza li jinkiseb bilanċ tajjeb għal swieq aktar diversifikati. 

Il-gżejjer l-aktar li jħossu l-effetti tal-bidla tal-klima 

Ir-riżoluzzjoni trattat ukoll b'mod estensiv il-kwistjoni tal-gżejjer u l-bidla fil-klima u bdiet billi fakkret illi l-gżejjer ġeneralment huma l-ewwel li jiffaċċjaw l-effetti tat-tibdil fil-klima, permezz ta' erożjoni tal-kosta u anke żieda fil-livell tal-baħar. Dan tal-aħħar diġà rajnih jiġri f'żoni f'Malta, fosthom fil-Bajja ta' San Ġorġ f'Birżebbuġa fejn iż-żieda fil-livell tal-baħar kien realtà kontinwa, sakemm il-Gvern dan l-aħħar wettaq proġett biex itaffi l-effett ta' din il-problema.  

Il-Parlament Ewropew fakkar ukoll li l-gżejjer huma l-aktar li jintlaqtu minn nirien, maltempati, għargħar , nixfa u problemi ta' deżertifikazzjoni - li hija fil-fatt problema li mill-ġdid qed narawha lokalment u anke fi gżejjer oħrajn fil-Mediterran u madwar id-dinja, l-aktar il-Madagascar.  

Ifakkar ukoll li t-tniġġiż tal-baħar u tal-kosta kif ukoll is-sajd eċċessiv u illegali kollha qed ikomplu jħallu impatt ambjentali u anke ekonomiku, ladarba hemm dipendenza qawwija fuq it-turiżmu.  

Fid-dawl ta' dawn ir-realtajiet li qed jiffaċċjaw gżejjer bħal tagħna, il-Parlament Ewropew qed jisħaq li l-Kummissjoni Ewropea ttejjeb il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE sabiex ikunu indirizzati aħjar l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima fuq gżejjer żgħar. Qed jistieden ukoll lill-istess Kummissjoni sabiex talloka aktar flus għal appoġġ aħjar lir-reġjuni insulari u gżejjer sabiex l-aċċess għall-ilma jkun mtejjeb.  

L-importanza tal-konnettività biex tilqa' għal eżodu mill-gżejjer 

Ir-riżoluzzjoni qed tisħaq ukoll li l-konnettività tibqa' l-akbar prijorità ta' dawn il-gżejjer, għal ħafna raġunijiet, fosthom il-fatt illi ħafna drabi konnettività batuta tkun tfisser prezzijiet ogħla, inqas impjiegi u d-dipopolazzjoni ta' dawn il-gżejjer. Realtà fil-fatt li qed narawha sseħħ ukoll f'Għawdex minn fejn ħafna żgħażagħ qed jitilqu biex ifittxu impjieg f'Malta jew barra, bil-konsegwenza li l-popolazzjoni Għawdxija qegħda kull ma tmur aktar tixjieħ. L-effett ta' dan huma bosta, fosthom inqas investiment propju għaliex ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema jew inkella "l-importazzjoni" minn Malta ta' ħaddiema barranin f'qasir żmien, li jwassal għal bidliet soċjali f'daqqa. 

Għalhekk il-Parlament Ewropew qed jisħaq fuq l-importanza li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport għall-passiġġieri u l-merkanzija, inkluż billi r-residenti ta' gżejjer jiġu offruti tariffi mnaqqsa, filwaqt li jkun aċċertat illi jkun hemm pontijiet u toroq li jgħaqqdu dawn il-gżejjer mal-kontinenti.  

Ir-riżoluzzjoni għalhekk qed titlob li malajr kemm jista' jkun u sabiex jitnaqqas il-moviment ta' nies - speċjalment żgħażagħ - 'l barra minn dawn il-gżejjer jiġu appoġġjati n-negozji lokali u jiġu protetti l-impjiegi.  

Dan apparti li l-Parlament Ewropew qed jisħaq li għandu jiġi promoss l-iżvilupp ta' faċilitajiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ professjonali, tat-titjib tal-ħiliet, tal-intraprenditorija innovattiva u sostenibbli u tal-impjieg għall-abitanti tal-gżejjer, b'mod partikolari għan-nisa, li jiffaċċjaw rata ogħla ta' qgħad mill-irġiel fi kważi l-gżejjer kollha tal-UE, u għaż-żgħażagħ. 

Ftit li xejn dwar l-immigrazzjoni... 

Dwar l-immigrazzjoni r-riżoluzzjoni iżda hija pjuttost nieqsa mis-sustanza, anke jekk uħud mill-gżejjer fil-Mediterran huma l-aktar affetwati minn dan il-fenomenu, fosthom Malta u Lampedusa.  

Il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi l-problema u jgħid illi f'xi każi n-numru ta' immigranti huwa akbar mill-popolazzjoni probabbilment f'referenza għal Lampedusa.  

Ir-riżoluzzjoni tiġbed biss l-attenzjoni u titlob li jinstabu "soluzzjonijiet ikkoordinati fil-livell Ewropew li jirrispettaw il-benesseri u d-dinjità tal-individwu, filwaqt li tiġi indirizzata l-pressjoni li qed toħloq l-immigrazzjoni." 

'Għawdex: Bżonn ta' għajnuna minħabba insularità doppja' 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri attenda u pparteċipa f’sessjoni plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fejn ġie diskussa din ir-riżoluzzjoni.  

Fl-indirizz tiegħu huwa faħħar din l-inizjattiva, hekk kif elenka li kien wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer fi ħdanha, speċjalment dawk li huma fil-periferija tal-istess unjoni. 

Sostna li l-effetti fuq il-klima diġà bdew jinħassu u li l-gżejjer huma l-aktar suxxettibbili għal dan il-fenomenu li kull ma jmur qed nesperjenzaw temperaturi għolja u li qed iwasslu għal effetti devastanti fuq l-ekosistema fraġli tal-gżejjer. Filwaqt li faħħar l-isforzi li qed tagħmel l-Unjoni Ewropea, il-Ministru rrimarka li l-gżejjer għandhom jingħataw attenzjoni speċifika f’dan ir-rigward peress li kull gżira toffri sfidi partikolari. 

Camilleri semma wkoll l-isfida tal-aċċessibilità li hija fundamentali sabiex il-gżejjer ikollhom aċċess liberu mal-kumplament tal-Ewropa, speċjalment fil-każ ta’ Għawdex, li jaffaċċja l-problema tal-insularità doppja. Huwa elenka l-isforzi li qed jagħmel il-Gvern Malti fuq dan l-għan, fejn tul dawn l-aħħar snin l-aċċessibilità bejn il-gżejjer ingħatat prijorità.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024