Proposta biex mewt minn abort mhux sikur f'pajjiż bħal Malta tibda titqies bħala femiċidju

L-abort lura fuq l-aġenda tal-Parlament Ewropew wara rapport mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Il-Parlament jerġa' jisħaq illi l-abort sikur u l-aċċess għalih għandu jkun prijorità...

Abort li jwassal għall-mewt għax ma jkunx sar b'mod sikur u li jkun sar f'pajjiż - bħal Malta - fejn huwa pprojbit għandu jibda jitqies bħala "qtil arbitrarju speċifiku għall-ġeneru." Hekk qed jipproponi l-Parlament Ewropew f'riżoluzzjoni li għadda propju din il-ġimgħa msejħa 'Thedid Globali għad-Dritt għall-Abort', fid-dawl tad-deċiżjoni li ħadet Qorti Amerikana fuq dan is-suġġett u l-possibilità li l-Qorti Suprema Amerikana tirrevoka d-dritt għall-abort f'dan il-pajjiż. Essenzjalment b'din il-proposta l-Parlament Ewropew qed jisħaq li mewt ta' omm minn abort mhux sikur f'pajjiż fejn dik il-mara ma għandhiex għażla għandu jitqies femiċidju, għax jinsisti li din il-mewt tkun "konsegwenza tad-diskriminazzjoni minquxa fil-liġi." 

Il-Parlament Ewropew jelenka figuri u fatti dwar l-abort u jfakkar illi 45% kollha tal-aborti li jsiru madwar id-dinja ma jsirux b'mod sikur u li 97% minn dawn iseħħu f'pajjiżi fejn l-abort huwa llegali. Dan apparti l-fatt li fis-sena huwa stmat li jkun hemm 121 miljun tqala "mhux intenzjonata" li minnhom xejn inqas minn 60% - jiġifieri 72.6 miljuni - jintemmu f'abort. 

Ir-riżoluzzjoni tfakkar li skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, "il-proporzjon ta' aborti mhux sikuri huwa ogħla b'mod sinifikanti f'pajjiżi b'liġijiet restrittivi ħafna fir-rigward tal-abort milli f'pajjiżi b'liġijiet inqas restrittivi." 

U finalment minn punt ta' figuri u fatti dwar l-abort il-Parlament ifakkar li l-kumplikazzjonijiet fit-tqala huma meqjusin bħala l-akbar fattur ta' mwiet globalment għal tfajliet ta' bejn il-15 u d-19-il sena. Fil-fatt ifakkar ukoll li kien il-Kumitat tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tat-Tfal li ħeġġeġ sabiex l-abort ikun dikriminalizzat u jkun żgurat li t-tfajliet ikollhom aċċess għal servizz ta' abort sikur.  

X'ġara eżatt fl-Istati Uniti?  

Il-Qorti Suprema Amerikana kienet stabbiliet preċedent fil-kawża storika Roe vs Wade (1973), li aktar tard ġie affermat fil-kawżi Planned Parenthood v Casey (1992) u Whole Woman's Health vs Hellerstedt (2016), li jiggarantixxi d-dritt kostituzzjonali għall-abort legali qabel ma l-fetu jsir vijabbli fl-Istati Uniti.  

Minkejja dan, abozz ta' opinjoni li għadu kif kien ippubblikat u li għandu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Qorti Suprema, mill-Imħallef Samuel Alito fil-każ tal-Uffiċjal tas-Saħħa mid-Dipartiment ta' Mississipi kontra il-Jackson Women's Health Organization effettivament iwassal għar-revoka tas-sentenza Roe vs. Wade u jreġġa' lura d-drittijiet Kostituzzjonali fir-rigward tal-abort f'dan il-pajjiż.  

Il-Qorti Suprema issa hija mistennija toħroġ deċiżjoni finali qabel l-aħħar ta' dan ix-xahar.  

Ir-riżoluzzjoni tisħaq illi l-abbozz ta' opinjoni żvelat "jirrappreżenta l-aktar eżitu detrimentali għad-drittijiet tal-abort f'termini ta' dak li l-Qorti Suprema tista' tiddeċiedi għax jippermetti lill-istati jipprojbixxu l-abort fi kwalunkwe punt tat-tqala u jiftaħ il-possibbiltà ta' projbizzjonijiet sħaħ fuq l-abort, li hija eventwalità li tneħħi l-protezzjonijiet li d-drittijiet eżistenti tan-nisa u l-bniet fl-Istati Uniti jagħtuhom." 

U fl-Unjoni Ewropea x'inhi s-sitwazzjoni?  

Is-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea hija tali li Malta huwa l-uniku pajjiż fl-UE li ma jippermetti ebda forma ta' abort taħt ebda ċirkostanza.  

Minn naħa l-oħra l-Polonja huwa l-uniku pajjiż tal-UE li neħħa mil-Liġi l-mottiv għall-abort, deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali li l-Parlament Ewropew ifakkar illi prattikament waslet għal projbizzjoni tal-abort f'dan il-pajjiż. L-abort fil-bidu tat-tqala mhuwiex legali fl-Islovakkja u lanqas disponibbli fl-Ungerija, filwaqt illi l-Parlament Ewropew ifakkar li fl-Italja qed jonqos l-aċċess għall-abort. 

'L-abort sikur u legali għandu jkun prijorità għall-Istati Membri tal-UE' 

Permezz ta' din ir-riżoluzzjoni l-Parlament Ewropew reġa' għamel aċċenn qawwi fuq l-importanza li jkun hemm garanzija tal-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati komprensivi, l-edukazzjoni u s-servizzi komprensivi dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet, inklużi l-ippjanar tal-familja, il-metodi ta' kontraċezzjoni u l-abort sikur, legali u mingħajr ħlas.  

Il-Parlament Ewropew ifakkar ukoll li l-aċċess għall-kura mal-abort jippermetti li n-nisa jkollhom aktar kontroll ta' ġisimhom filwaqt li iżda jesprimi tħassib dwar il-fatt li projibizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-abort - bħal dawk f'Malta u l-Polonja - jimpattaw l-aktar in-nisa fqar, b'mod partikolari n-nisa minn żoni rurali, il-persuni LGBTIQ, in-nisa b'diżabilità, l-adolexxenti, in-nisa migranti, inklużi l-immigranti irregolari, u familji b'ġenitur wieħed immexxija minn nisa.  

Filwaqt li l-Parlament rrikonoxxa l-irwol li għandhom l-NGOs fl-għajnuna li jagħtu lil nisa li jagħmlu jew ikunu se jagħmlu l-abort, fakkar fl-importanza li dawn jingħataw finanzjament biżżejjed biex joperaw.  

Finalment il-Parlament Ewropew qed jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri kollha tal-UE li jippromovu  u jagħtu prijorità qawwija lill-aċċess universali għall-abort sikur u legali.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024