L-UE qed tħares lejn il-possibilità li tikkonfiska assi Russi u tużahom biex tiffinanzja l-bini mill-ġdid tal-Ukrajna

Charles Michel jindika li l-Kunsill Ewropew qiegħed jqis il-possibilità li jkunu kkonfiskati l-assi ta' individwi u kumpaniji Russi fl-Ewropa, liema assi jintużaw imbagħad biex tinbena mill-ġdid l-Ukrajna

Fil-ftuħ tal-Plenarja tal-Parlament Ewropew kemm il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel kif ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen akkużaw lir-Russja u lill-Gvern ta' Putin illi qiegħed juża l-ikel bħala arma tal-gwerra. 

Michel sostna li dan, Vladimir Putin qed jagħmlu billi r-Russja qed tisraq ż-żrieragħ tal-qamħ, qed tbiddel l-irziezet f'art tal-battalji u qed twassal sabiex madwar 20 miljun żerriegħa tal-qamħ u qamħirrun jinsabu maqbudin fl-Ukrajna bil-konsegwenzi ta' nuqqas ta' fornitura u prezzijiet li qegħdin dejjem aktar jiżdiedu. 

Michel qal illi fil-Laqgħa tal-Kunsill Ewropew kien hemm diskussjoni dwar rotot alternattivi u diskussjoni dwar il-modi differenti ta' kif dan il-qamħ jista' jsib toroq alternattivi biex joħroġ mill-Ukrajna. 

Il-President tal-Kunsill akkuża lill-Kremlin b'gideb "fi stil sovjetiku" u fabrikazzjonijiet biex tinħeba l-vera sitwazzjoni li qed twassal għall-kriżi fil-qasam tal-ikel. "Huma l-missili u l-militar Russu li mhumiex iħallu ż-żerriegħa tal-qamħ milli jitilqu mill-Ukrajna, tħallux lill-Kremlin jidħak bikom. Hija r-Russja li qed twaqqaf dan l-ikel milli jitlaq mill-Ukrajna." 

Charles Michel semma' l-embargo fuq iż-żejt Russu u fakkar fil-mira ta' twaqqif ta' 90% tal-importazzjoni ta' żejt Russu, xi ħaġa li l-President tal-Kummissjoni Ewropea warajh laqgħet, anke jekk qalet illi kienet tippreferi li jitwaqqaf iż-żejt kollu li jasal mir-Russja. 

Iżda apparti dan kollu Michel qal ukoll illi l-Kunsill Ewropew qiegħed jqis il-possibilità li jkunu kkonfiskati l-assi ta' individwi u kumpaniji Russi fl-Ewropa, liema assi jintużaw imbagħad biex tinbena mill-ġdid l-Ukrajna. 

Intant anke Ursula Von Der Leyen, il-President tal-Kummissjoni, tkellmet dwar l-importanza li l-UE ma tibqax dipendenti fuq il-fjuwils Russi, filwaqt li tiddiversifika u tagħżel fornituri "li huma ħbieb tagħna, bħall-Istati Uniti."

Iżda dwar il-fornitura tal-ikel Von Der Leyen bdiet billi fakkret li madwar 275 miljun persuna bħalissa jinsabu f'riskju li ma jkollhomx mezzi u sorsi ta' ikel, "u dawn in-numri jistgħu jaħarbu minn kull kontroll, bil-Bank Dinji saħansitra jgħid li 10 miljun persuna qed jispiċċaw fil-faqar ma' kull 1% żieda fil-prezzijiet tal-ikel."

Hija kompliet tgħid li ma nistgħu nkunu taħt ebda illużjoni illi din il-kollużjoni ta' kriżijiet kurrenti se jkomplu jiggravaw is-sitwazzjoni tal-ġuħ madwar id-dinja. "Uħud mill-kawżi taż-żieda fil-prezzijiet huma relatati mal-Covid-19, oħrajn maż-żieda fil-prezz tat-trasportazzjoni u oħrajn marbutin mal-bidla fil-klima. Imma dawn l-impatti kienu kollha ikkumplikati b'mod massiv mill-gwerra ta' Putin," sostniet Von Der Leyen. 

Kien hawn li akkużat lil Putin li qed ibddel l-ikel f'arma ta' gwerra u fakkret illi l-UE ma għamlet ebda sanzjonijiet fuq l-ikel, lanqas fuq ikel li r-Russja tesporta lejn pajjiżi terzi. Hija temmet tgħid li huwa importanti li l-UE żżomm is-swieq miftuħin u ssib rotot alternattivi, li turi solidarjetà mal-imsieħba li l-aktar illi qegħdin f'riskju filwaqt li ttemm tfakkar dwar l-importanza tsal-indipendenza fil-qasam tal-ikel, billi l-ewropa tkun kapaċi tipproduċi l-ikel tagħha dejjem aktar, hi stess. 

 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024