Meta kienet qed tindirizza liċ-Chairman tar-Rada (il-Parlament tal-Ukrajna) Ruslan Stefanchuk, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sostniet illi l-Parlament Ewropew se jibqa' jappoġġja lill-Ukrajna, filwaqt li Stefanchuk sostna li l-prezz għal telfa Ukrena huwa ħafna ikbar mill-prezz ekonomiku li tħallas l-UE minħabba sanzjonijiet kontra r-Russja.
Metsola qalet illi tifhem sew kemm huwa diffiċli li xi ħadd bħal Stefanchuk jitlaq minn pajjiżu stess bħalissa u kemm fil-fatt huwa importanti li huwa jinsab fi Strasburgu, xaharejn wara li fil-fatt hi stess kienet fi Kyiv.
"Il-ġlieda għal-libertà, id-demokrazija u għall-valuri li jgħaqqduna bħala ewropej hija l-ġlieda tagħna," qalet Metsola li saħqet illi dak li qed ikollha tgħaddi minnu l-Ukrajna lanqas biss konna naħsbu li se jiġri sa ftit xhur ilu. "Il-kuraġġ, id-determinazzjoni u s-saħħa tagħkom huwa kollu f'isem il-libertà."
Metsola reġgħet sostniet illi l-Ewropa tinsab mal-Ukrajna u li l-Parlament Ewropew qiegħed f'solidarjetà mar-Rada u huwa propju għalhekk li l-Ewropa fetħet il-fruntieri, id-djar tagħha u l-qlub tagħha lil sitt miljun Ukren li kellhom jitilqu minn pajjiżhom. "Aħna bgħattna l-appoġġ militari, finanzjarju, politiku u umanitarju u hekk se nibqgħu nagħmlu."
Metsola qalet illi l-appoġġ tal-Parlament Ewropew jitfa' responsabilità kbira fuqu u assigurat li l-appoġġ kontinwu se jibqa' jingħata bl-assistenza meħtieġa biex tagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tal-invażjoni Russa.
Minkejja dan Metsola qalet ukoll li l-Parlament se jkompli jimbutta 'l quddiem il-paċi - paċi vera. "Fl-Ewropa nafu biżżejjed li ma hemmx paċi mingħajr libertà u ġustizzja," sostniet Roberta Metsola.
Hija qalet illi hemm bżonn illi tibda diskussjoni propju dwar l-irkupru u l-bini mill-ġdid tal-Ukrajna, suġġett li dwaru fil-fatt il-Partit Popolari Ewropew qed iwiegħed Pjan bħal dak tal-Marshall Plan wara t-Tieni Gwerra Dinjija li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea, flimkien ma' oħrajn bħan-NATO, ikunu jistgħu jibnu dan il-pajjiż mill-ġdid.
'Neħtieġu messġġ ċar mill-UE' - Stefanchuk
Minn naħa tiegħu Ruslan Stefanchuk sostna illi l-invażjoni fuq pajjiżu xxokkja lil kulħadd fl-Ukrajna u madwar id-dinja wkoll iżda saħaq li l-Ukreni malajr rrealizzaw li jridu jingħaqdu kontra l-aggressur. Filwaqt li faħħar lil Roberta Metsola għall-fatt li kienet fost l-ewwel mill-mexxejja ewropej li żaru l-Ukrajna, filwaqt li rringrazzja lill-UE talli laqgħet tant refuġjati Ukreni fi ħdanha.
Huwa qajjem il-prospett ta' aktar azzjoni jekk il-gwerra tkompli - inkluż aktar sanzjonijiet ewropej, anke jekk il-prezz jimpatta b'mod negattiv lill-ekonomiji ewropej, "għax il-prezz għat-telfa huwa ħafna ikbar."
Huwa esprima ix-xewqa kbira li l-Unjoni Ewropea tibqa' tappoġġja bil-qawwi x-xewqa tal-Ukrajna li tingħata status ta' kandidat biex tidħol fl-Unjoni Ewropea. "L-Ukrajna u l-poplu tagħha jeħtieġu messaġġ ċar mill-Unjoni Ewropea, messaġġ ta' appoġġ," temm jgħid Russlan Stefanchuk filwaqt li sostna illi kwalunkwe sinjal ieħor ikun biss ta' benefiċċju għall-President Russu Vladimir Putin.