Il-PPE jipproponi Unjoni ta' Difiża bil-għan li l-UE tiddefendi ruħha minn reġim bħal ta' Putin
Il-Partit Popolari Ewropew laqqa' l-Kungress tiegħu din il-ġimgħa u ressaq riżoluzzjoni, fost diversi, li pproponiet unjoni tad-difiża u xiri kollettiv tal-enerġija biex tkun assigurata l-fornitura u jorħsu l-prezzijiet
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Partit Popolari Ewropew (PPE), l-akbar partit fil-Parlament Ewropew, qed jipproponi li tinħoloq Unjoni ta' Difiża Ewropea li jkollha l-għan illi tiddefendi lill-UE minn Gvernijiet bħal dak Russu ta' Vladimir Putin u minn attakki agressivi fuqha.
"L-aggressjoni Russa u l-gwerra kriminali kontra l-Ukrajna - immexxija mill-Kremilin - hija l-akbar theddida għas-sigurtà u l-istabilità fl-Unjoni Ewropea," issostni r-riżoluzzjoni li ġiet approvata mill-PPE waqt il-Kungress li tella' din il-ġimgħa. Għalhekk r-riżoluzzjoni tisħaq illi l-unika triq hija li r-Russja wkoll tieħu t-triq tad-demokrazija.
Lura fuq il-kwistjoni allura tad-difiża l-PPE qed jerġa' jipproponi - proposta li jfakkar illi ilu jagħmel - illi kull stat membru tal-Unjoni Ewropea jinvesti mill-inqas 2% tal-Prodott Gross Domestiku fuq id-difiża. Il-partit qed jisħaq illi iktar minn qatt qabel huwa importanti li Stati Membri - speċjalment dawk il-pajjiżi, bħal Malta, li mhumiex membri tan-NATO - itejbu id-difiża komuni tagħhom sabiex jassiguraw illi huma kapaċi jirrispondu kontra sfidi u kriżijiet.
Il-Partit Popolari Ewropew f'din l-istess riżoluzzjoni qed jinsisti li l-UE għandha tassumi responsabilità akbar fejn jirrigwarda is-sigurtà tagħha stess, hekk kif din il-kwistjoni għadha materja fil-biċċa l-kbira tagħha ta' kompetenza nazzjonali. Il-PPE laqa' b'mod pożittiv passi li ttieħdu mill-UE permezz tal-Istrategija Compass - li tagħmilha possibbli illi l-UE tieħu azzjoni kemm jista' jkun spedita meta tkun qed tiffaċċja kriżi, speċjalment meta ewropej ikunu qed jiffaċċjaw kriżijiet u theddid.
F'din ir-riżoluzzjoni il-Partit Popolari jisħaq illi hemm bżonn li l-UE tkun onesta u tammetti li sa mill-bidu tal-gwerra l-Punent ta €10 biljun f'munizzjon u armi, li tfakkar illi ħafna minnhom għadhom ħlasijiet pendenti. "Dan minkejja stimi li juru kif l-Ukrajna qed titlef €400 miljun kuljum f'munizzjon u armi meqrudin," tfakkar ir-riżoluzzjoni.
Il-PPE jrid Marshall Plan ieħor - din id-darba għall-Ukrajna
Min qara l-istorja politika ta' wara l-gwerra probabbilment jaf sew dwar il-Marshall Plan u l-Marshall Aid, għajnuna mogħtija lill-pajjiżi ewropej sabiex jibnu l-infrastruttura tagħhom wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Marshall Aid kien fil-fatt waħda mir-raġunijiet li waslu għall-inkwiet politiku fil-Partit Laburista bejn Mintoff u Pawlu Boffa.
Issa l-PPE qed jipproponi li jkun hemm Marshall Plan ieħor, din id-darba f'għajnuna sabiex terġa' tinbena mill-ġdid l-Ukrajna, terġa' tinbena mill-ġdid l-ekonomija tal-pajjiż u tgħin sabiex l-Ukrajna tkun integrata fiż-żona ewro.
L-istess riżoluzzjoni li għaddiet waqt il-Kungress ta' din il-ġimgħa, tgħid illi dan il-pjan għandu jibda issa stess sabiex b'hekk ikun minimizzat it-telf fil-futur. Għalhekk ir-riżoluzzjoni qed titlob li l-UE u n-NATO għandhom jaħdmu lejn sistema ta' taqsim ta' responsabilità fejn min ikun responsabbli għal żona jew belt u min għal oħra, f'dak li jirrigwarda twassil ta' għajnuna u anke rikostruzzjoni.
Il-PPE qed jisħaq li f'ċerti żoni r-rikostruzzjoni tista' saħansitra tibda minn issa stess.
Apparti minn hekk dan il-partit qed jipproponi li jkun hemm ukoll pjan ta' rkupru speċifikament għall-Ukrajna li jgħin sabiex terġa' tiġi fuq saqajha l-ekonomija Ukrena, li jiffoka l-aktar fuq il-bżonn ta' investiment fit-tul li jinkoraġixxi l-irkupru, l-immodernizzar u anke l-obbligazzjonijiet ta' pajjiż biex jidħol fl-UE. L-Ukrajna uriet l-interess qawwi illi fil-fatt issir membru tal-UE, xi ħaġa li l-Parlament Ewropew laqa' filwaqt li l-President tal-Parlament, Roberta Metsola, ukoll appoġġjat.
Il-PPE ifakkar f'din ir-riżoluzzjoni li l-UE għamlet ħafna biex tgħin lill-Ukrajna diġà, fosthom il-fatt li għall-ewwel darba attivat id-Direttiva ta' Protezzjoni Temporanja, sabiex persuni li qed jitilqu mill-pajjiż jingħataw assistenza iktar spedita u anke jingħataw status legali fl-Ewropa. Dan apparti li l-Kummissjoni Ewropea żviluppat gwidi ġodda sabiex il-kwalifiċi miksubin fl-Ukrajna jkunu rikonoxxuti fl-Ewropa. Ta' min ifakkar li kwalifiċi miksubin f'pajjiż barra l-Unjoni Ewropea mhux dejjem huma rikonoxxuti fl-UE, filwaqt li l-UE naturalment tirrikonoxxi l-kwalifiċi kollha li jinkisbu fi ħdanha.
'Ir-reġim ta' Putin għandu jkun ikkastigat'
Ir-riżoluzzjoni tal-Partit Popolari Ewropew hija skjaċċanti kontra Putin u tfakkar li "r-Russja ta' Putin" ma turix rispett lejn il-valuri u prinċipji bażiċi tal-paċi, rispett lejn integrità territorjali u sovranità.
Fid-dawl ta' dan allura qed tisħaq illi ir-reġim ta' Putin "għandu jkun ikkastigat" u tisħaq li l-PPE mhu se jaċċetta qatt - dak li ssejjaħ - ġenoċidju u ksur sfaċċat ta' drittijiet kontra poplu sħiħ.
Il-Partit Popolari qal ukoll li ma jista' qatt ikun hemm ritorn għal normalità fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja sakemm ma jkunx hemm tneħħija tat-truppi mill-Ukrajna u "bidla fundamentali tal-attitudni Russa lejn il-ġirien tagħha."
Ir-riżoluzzjoni tisħaq illi l-UE u l-pajjiżi tal-punent ukoll għandhom responsabilità xi jġorru meta xtraw enerġija mir-Russja. Għalhekk tisħaq illi għandu jsir kollox "biex tkun assigurata telfa Russa f'din il-gwerra u l-Ukrajna jkollha l-integrità territorjali tagħha restawrata." Huma qed jisħqu li dan għandu jsir billi l-UE tipprovdi l-assistenza politika, militari, ekonomika u finanzjarja kollha meħtieġa.
L-Istati Membri jixtru l-enerġija flimkien!
U finalment ir-riżoluzzjoni qed tagħmel proposti wkoll marbutin mal-enerġija, settur li qed jara prezzijiet jisplodu proprju minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Filwaqt li jsir l-appell - li sar ukoll mill-President tal-Parlament Ewropew, li wkoll ġejja mill-PPE - sabiex titwaqqaf id-dipendenza fuq fjuwils mir-Russja, dan il-partit qed jipproponi wkoll li x-xiri tal-enerġija jieħu l-istess sura għal dik li kienet tittratta x-xiri tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Fil-fatt din ir-riżoluzzjoni qed titlob li tiġi imwaqqfa Pjattaforma Ewropea għax-Xiri tal-Enerġija, li permezz tagħha l-Istati Membri jixtru l-enerġija flimkien, jassiguraw il-volum u allura fil-proċess iniżżlu l-prezzijiet attwali. Dan għandu jifforma dak li qed isejħu Unjoni Ewropea tal-Enerġija.
X'ġara waqt dan il-Kungress?
Il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew ġab fi tmiemha t-tmexxija ta' Donald Tusk ta' dan l-akbar partit fil-Parlament Ewropew b'Manfred Weber ikun elett minfloku bħala President ta' dan l-istess grupp.
Il-Kungress għadda il-Premju ta' Mertu tal-PPE lil Alexei Navalny, li ma kienx preżenti u li rebaħ ukoll il-Premju Sakharov.
Navalny jmexxi l-Oppożizzjoni Russa u huwa kritiku kbir tal-Gvern ta' Putin, għalkemm sar aktar magħruf wara li ġie avvelenat, episodju li ħallieh prattikament bla ħajja.
Huwa kien ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov is-sena l-oħra.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.