'F'Malta hawn għaqdiet iffinanzjati mill-Polonja u l-Ungerija biex ixerrdu l-propoganda kontra l-ugwaljanza'
Liema huma d-drittijiet fundamentali tal-popli ewropej? Ir-restrizzjonijiet tal-Covid-19 kisru d-drittijiet fundamentali ewropej? Għaliex ċerti pajjiżi ma jirrispettawx l-ugwaljanza? Id-drittijiet riproduttivi għandhom jibqgħu kompetenza nazzjonali?
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Membru Parlamentari Ewropew Malti Cyrus Engerer bħalissa - fost id-diversi rwoli li għandu huwa responsabbli għal rapport dwar id-drittijiet fundamentali u bażiċi tal-bniedem fl-Unjoni Ewropea, rapport annwali li jagħti ħarsa lejn kif qed jitħarsu (jew jinkisru) dawn id-drittijiet hekk importanti madwar l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-gazzetta ILLUM tpoġġi mal-MEP Engerer u tistaqsi propju dwar id-drittijiet bażiċi ewropej u nibdew b'mistoqsija bażika: Dawn id-drittijiet liema huma? Liema huma dawk id-drittijiet li ma jistgħux jkunu mittiefsa jew huma nnegozjabbli għall-UE?
Engerer jisħaq illi ebda dritt ma hu negozjabbli, għaliex id-drittijiet tal-bniedem huma universali - jiġifieri jgħoddu għal kulħadd madwar id-dinja u huma indiviżibbli, jiġifieri jgħoddu għal kulħadd. Huwa qal illi drittijet hemm diversi fosthom, id-dritt tal-ħajja, id-dritt li jkollok familja, id-dritt ta' opinjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' twemmin u oħrajn.
Engerer sostna illi l-UE mxiet ħafna 'l quddiem fir-rigward ta' drittijiet, anke jekk saħaq illi mas-snin - inkluż bħalissa - Gvernijiet konservattivi qed ireġġgħu lura ċerta drittijiet. Huwa jsemmi l-Polonja u l-Ungerija fir-rigward ta' drittijiet ta' persuni LGBTIQ u jgħid illi f'ċerti istanzi ċerti nies ma jkunux jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom jekk dik l-opinjoni tmur kontra dak li jemmen l-istat.
Huwa fakkar illi d-dritt tal-espressjoni huwa sagrosant, anke jekk fakkar li dan irid isir dejjem skont il-parametri tal-liġi u rispett.
Differenza bejn opinjoni u reat!
U hawnhekk il-gazzetta twaqqfu u tfakkru illi d-diskussjoni dwar id-dritt tal-espressjoni hija xi ħaġa dejjiema u kontinwa: Fejn tibda u fejn tieqaf? F'Malta stess kellna din id-diskussjoni ftit ilu biss, dwar play fit-Teatru Manoel.
L-MEP Malti jiċċara li l-ewwel irridu nibdew billi nagħmlu differenza ċara bejn dritt tal-opinjoni u dritt tal-espressjoni artistika. Huwa qal illi d-dritt tal-espressjoni tal-bniedem tfisser li kulħadd għandu dritt jesprimi l-opinjoni, basta mhux mibgħeda.
Pero' l-ILLUM terġa' twaqqfu u tfakkru li fuq il-karta dawn kollha kunċetti sbieħ, imma fir-realtà din hija xi ftit ta' battalja mitlufa għax inti dejjem tista' tgħid xi ħaġa li għalik u fil-kultura tiegħek hija aċċettabbli u normali, imma li se tweġġa' lil ta' warajk jew lil ta' maġenbek, li forsi jkollu sett ta' valuri differenti minn tiegħek...
Engerer jisħaq u jfakkar iżda li hemm distinzjoni u jġib l-immigrazzjoni bħala eżempju. "Persuna jista' jgħid li Malta għandha wisq immigranti u ma tiflaħx għal aktar jew li l-Ewropa ma tiflaħx għal aktar. Taqbel jew le, dik opinjoni u persuna għandu dritt jesprimiha. Imma li xi ħadd jgħid li għandna nħalluhom jgħerqu jew saħansitra noqtluhom mhix opinjoni imma reat," sostna l-MEP Malti.
Engerer jerġa' jdur fuq ir-rapport tal-Parlament Ewropew li qed jaħdem fuqu u jfakkar li dan se jkun qed jevalwa is-sena l-2021, meta jfakkar li kienet fl-aqwa tagħha l-Covid-19 u kien hawn numru ta' restrizzjonijiet li wasslu biex diversi persuni ħassew li d-drittijiet tagħhom kienu ġew mittiefsa. Huwa fakkar li grazzi għar-restrizzjonijiet nies ma setgħux liberament imorru pajjiż ieħor minħabba l-għeluq tal-fruntieri, apparti li persuna kellha tilbes il-maskri.
Huwa jgħid li r-rapport mhux qed jidħol fuq x'inhu sew jew mhuwiex imma se josserva x'ġara. Huwa qal li l-Kumitat LIBE li qiegħed fih u li qed ifassal dan ir-rapport, kellu diskussjoni fil-fatt dwar diversi temi, fosthom dwar jekk ir-restrizzjonijiet marbutin mal-Covid-19 fil-fatt kinux qed jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
"Rajna eżempji fejn ċerti affarijiet marru lura, bħad-drittijiet ċivili fil-Polonja u l-Ungerija, kwistjonijiet ta' saltna tad-dritt - u interessanti hawn nagħmel l-osservazzjoni tal-korrelazzjoni bejn pajjiżi li għandhom problemi ta' saltna ta' dritt u nuqqas ta' drittijiet tan-nisa u anke persuni LGBTIQ, per eżempju," jgħid il-Membru Parlamentari Malti.
'Il-lemin estrem huwa perikoluż'
Il-Parlament Ewropew ħa pożizzjoni ċara, darba, darbtejn, 20 darba fuq l-immigrazzjoni. Minkejja dan fuq livelli nazzjonali nibqgħu naraw partiti li huma kontra l-immigrazzjoni jiksbu riżultati tajbin - bħal fil-każ ta' Le Pen - jew jirbħu l-elezzjonijiet - bħal Viktor Orban. Kif jispjega din id-differenza Engerer?
Huwa jibda billi jfakkar illi l-Parlament Ewropew huwa magħmul minn Membri Parlamentari Ewropej li huma eletti mill-popli ewropej u allura jirriflettu l-aspirazzjonijiet tal-ewropej.
Imbagħad iżda jammetti li huwa veru wkoll li f'ċerti pajjiżi qed jikber is-sentiment tal-lemin estrem, "li jinkwetani ħafna." Cyrus Engerer imbagħad ikompli billi jispjega li l-aktar li jinkwieta huwa meta jisma' lil ħafna minn dawn l-MEPs jitkellmu fil-Parlament, dwar in-nisa per eżempju u kif jemmnu li dawn posthom id-dar irabbu u fil-kċina, jew kemm jopponu drittijiet għal persuni LGBTIQ jew inkella l-mod kif iħarsu lejn persuni b'diżabilità.
"Il-lemin estrem jemmen f'soċjetà li teżisti biss għal tip ta' nies, li ġeneralment huma bojod, eterosesswali u rġiel. Forsi waqt kampanja jiffukaw fuq kwistjonijiet aktar populisti li dak li jkun forsi jsib ruħu jaqbel magħhom, imma meta tarahom fl-azzjoni tinduna kemm huma verament perikolużi."
'Ħadd ma kellu gwida ta' kif għandhom isiru l-affarijiet waqt il-Covid'
Nerġgħu nduru fuq il-Covid-19 għal xi ħin b'din il-gazzetta tfakkar lil Engerer illi l-idea tal-Parlament meta ħareġ bil-Green Pass kien li persuna issiefer jew tmur post, jew biċ-ċertifikat tal-vaċċin, jew ċertifikat ta' rkupru mill-Covid-19 jew inkella permezz ta' test negattiv. Ir-realtà hija iżda li diversi pajjiżi ma mxewx ma' din il-linja u ħadu l-miżura restrittiva li jew bil-vaċċin jew ma tista' tmur imkien, prattikament.
Jaħseb li din il-miżura kienet diskriminatorja?
Huwa mill-ewwel wieġeb illi f'emerġenza ta' saħħa, meta tkun qed tara nies jitilfu ħajjithom u l-isptarijiet ma jistgħux ilaħħqu, "tinduna li ried isir xi ħaġa biex il-vulnerabbli jkunu protetti."
Huwa qal illi kull pajjiż kien jaf is-sitwazzjoni ta' saħħa l-aħjar hu u li l-priorità kienet li jkunu protetti u salvati l-ħajjiet, għalkemm ifakkar ukoll li sfortunatement mietu u anke batew nies.
"Irridu naraw il-kuntest ta' meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet u nfakkar li dan ħadd ma kellu ktieb u gwida ta' kif isiru l-affarijiet," temm jgħid fuq dan il-punt Engerer.
Il-Covid-19, saħħa sesswali u l-kompetenza dwar is-saħħa
Induru fuq is-saħħa sesswali u drittijiet riproduttivi tal-mara, illi f'ħafna pajjiżi hija kważi l-aktar ħaġa ovvja u naturali u li l-partit li fih qiegħed Engerer stess - L-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi - tant jisħaq fuqhom, fosthom l-abort. L-uniku eċċezzjonijiet huma l-Polonja u Malta. Jaħseb li wasal iż-żmien li din il-materja issir kompetenza tal-UE u ma tibqax nazzjonali?
Engerer jibda billi jfakkar illi l-affarijiet relatati ma' saħħa huma kompetenza tal-istati membri. "Ħallieha li l-pandemija biddlet dan xi ftit hekk kif - fuq inizzjattiva ta' Malta - l-UE xtrat il-vaċċin ta' kontra l-Covid-19 b'mod kollettiv. Dan fetaħ allura l-prospett ta' aktar kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa biex kif għandna s-suq waħdieni nibdew nitkellmu wkoll dwar l-Unjoni Ewropea għas-Saħħa - jiġifieri bħalissa hemm diskussjoni dwar kompetenza iktar maqsuma fuq is-saħħa."
Engerer fil-fatt ifakkar fl-appell tal-Ministru tas-Saħħa Malti Chris Fearne sabiex l-Unjoni Ewropea tibda tixtri l-mediċini u prodotti farmaċewtiċi f'daqqa u dan fid-dawl tal-fatt li huwa inaċettabbli li kumpaniji jbiegħu l-mediċini lil pajjiż bħal Malta bi prezzijiet ħafna ogħla, hekk kif is-suq huwa iżgħar.
Dwar is-saħħa sesswali Engerer qal illi l-Parlament Ewropew tkellem dejjem b'saħħa kbira, kemm l-S&D, l-EPP, il-Liberali, il-Ħodor u anke x-Xellug. U fakkar ukoll li ħafna drabi meta l-Membri Parlamentari Ewropej jivvutaw ma jkunx biss fuq l-abort - imma fuq il-kunċett u l-idea li persuna għandha l-jedd li tiddeċiedi hi fuq dak li tista' tagħmel b'ġisimha u mhux jiddeċiedi għaliha ħaddieħor. Għalhekk ħafna drabi, fl-istess abbozz ikun hemm kwistjonijiet li jitrattaw persuni trans jew intersex.
L-Ugwaljanza u l-uniformità tal-liġi madwar l-UE
Jekk f'Malta ma hawnx abort, minn naħa l-oħra pajjiżna jinsab fil-quċċata f'dak li jirrigwarda drittijiet ta' persuni LGBTIQ. Jaħseb li fuq din il-materja hemm bżonn ikun hemm uniformità? Jaħseb li l-ugwaljanza għandha tkun obbligatorja, bħal ma hi s-saltna tad-dritt?
Huwa qal li fil-fatt - skont it-Trattati - is-sitwazzjoni diġà hija tali u biex pajjiż isir membru tal-UE jeħtieġ isegwi l-Kriterji ta' Copenhagen.
Huwa jgħid li lilhinn mir-realtà f'pajjiżi bħal Polonja u l-Ungerija, hemm ir-realtà ta' kif dan qed jaffetwa lill-Maltin stess. "Illum għandna realtà li familji LGBTIQ Maltin, Olandiżi, Svediżi u oħrajn mhux vera għandhom libertà tal-moviment għax jekk dawn imorru ximkien bħall-Ungerija, pajjiż fl-UE, dawn jitilfu d-drittijiet kollha tagħhom, lanqas biss ikunu rikonoxxuti bħala familja."
Kien hawn li Engerer indika li fiż-żmien li ġej il-Kummissjoni Ewropea, taħt id-direzzjoni tal-Kummissarju tal-Ugwaljanza Helena Dalli se tipproponi illi jekk inti familja jew ġenitur f'pajjiż wieħed tal-UE, tibqa' hekk madwar l-UE kollha, inkluż jekk inti familja LGBTIQ.
Pajjiżi ewropej li qed jiffinanzjaw propoganda kontra l-ugwaljanza
U finalment infakkru lil Engerer li ħafna drabi jkun hemm min jgħid - f'pajjiż bħal Malta fejn ma hawnx kwistjoni ta' nuqqas ta' drittijiet fundamentali daqstant - li dawn id-diskussjonijiet ma tantx jinteressawh. Għaliex rapport tal-Parlament Ewropew li qed ifassal hu flimkien ma' numru ta' MEPs oħrajn huwa importanti?
Huwa beda billi fakkar li MEP qiegħed hemm biex jirrapreżenta l-500 miljun ċittadin ewropew u mhux lill-kostitwenza tiegħu, "għalhekk huwa importanti li niddiskutu d-drittijiet madwar l-UE."
Huwa qal li meta pajjiż tal-UE jaħdem kontra l-UE, dan jaffetwa lill-pajjiżi kollha tal-blokk. "Għandek pajjiżi li qed jagħtu ħafna flus biex tinxtered propoganda kontra l-ugwaljanza u tajjeb li nkunu konxji illi f'Malta stess hawn għaqdiet li huma iffinanzjati mill-Polonja u l-Ungerija, propju biex imexxu din il-propoganda," temm l-intervista l-MEP Cyrus Engerer.
Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.