L-MEPs jipprevedu xhur iebsa għall-ħaddiema minħabba l-għoli fl-ikel u fil-prezz tal-enerġija

... u jipproponu, fost oħrajn, taxxa fuq profitti kbar u ta' darba (Windfall Profit) ġejjin minn fatturi partikolari bħaż-żieda qawwija fil-prezzijiet

Il-Parlament Ewropew qed jippoponi f'riżoluzzjoni adottata dan ix-xahar stess li l-Unjoni Ewropea tintaxxa profitti qawwija li qed jagħmlu ċerti kumpaniji u li huma riżultati ta' fatturi ta' darba, bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jew tal-qamħ. L-istess Parlament qed jgħid illi t-taxxa fuq dawn il-profitti partikolari imorru sabiex jiġu mgħejjuna n-nies ħalli jlaħħqu mal-kontijiet ogħla li qed ikollhom iħallsu madwar il-kontinent, propju minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Il-profitti huma kkalkulati - skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija - li jlaħħqu l-€200 biljun.  

 

 Fid-dawl ta' dan il-Parlament qed ifakkar li fil-fatt il-Kummissjoni Ewropea diġà ħolqot gwida fuq din il-materja, filwaqt li tappella allura lill-istess Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea sabiex jikkoordinaw skemi ta' tassazzjoni fuq dan it-tip ta' profitt (Windfall profit) sabiex jkunu minimizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni Ewropea.  

Il-gwerra fl-Ukrajna waslet għal żieda fil-prezz tal-enerġija hekk kif il-fornitura tal-gass mir-Russja ġiet affetwata mis-sanzjonijiet ewropej. Iż-żieda qawwija fil-prezz tal-enerġija waslet għal żidiet fil-prezz tat-trasportazzjoni u l-importazzjoni, apparti li naqset il-fornitura ta' prodotti bħal żejt, qamħ u ċereali mill-Ukrajna nnifisha.  

Dan qed iwassal għal żidiet qawwijin fil-prezz tal-laħam, prodotti li ġejjin mill-annimali bħal ħalib, yogurts u prieżet kif ukoll żieda fil-prezz tal-ħobż, prodotti magħmulin mill-għaġina u aktar. Fil-każ ta' Malta, il-Gvern alloka madwar €200 miljun biex jilqa' għall-prezzijiet tal-enerġija u fjuwil u għalhekk iżomm il-prezzijiet stabbli. Dan apparti €6 miljuni li għadda lill-importaturi tal-qamħ, sabiex kemm jista' jkun il-prezzijiet jibqgħu stabbli.  

Għoli tal-ħajja: L-ogħla rata sa mill-introduzzjoni tal-ewro 

Ir-riżoluzzjoni bl-isem "Il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi fuq l-UE tal-Gwerra fir-Russja" tfakkar illi s-sanzjonijiet "neċessarji" se jkunu qed iwasslu għal impatt serju fuq is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-ewropej, se jaffetwaw is-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-ħajja, filwaqt li l-gwerra nnifisha se tkun tfisser impatt negattiv fuq l-iswieq finanzjarji, fornitura tal-enerġija, prezzijiet u kunfidenza fost il-konsumatur. 

Fil-fatt l-istess riżoluzzjoni adottata tagħmel referenza għall-għoli tal-ħajja fl-UE u l-effetti tagħha u tfakkar illi l-inflazzjoni li qed naraw llum qatt ma rajna bħalhom sa mis-snin 70, bir-rata tkun ta' 7.5% f'April li għadda - l-ogħla rata sa mill-introduzzjoni tal-munita ewro.  

Minkejja dan, ir-rata tal-inflazzjoni mistennija tonqos skont il-Bank Ċentrali Ewropew, għal 2.1% fl-2023 u 1.9% fl-2024.  

Ir-riżoluzzjoni tagħmel twissija pjuttost ċara fl-introduzzjoni tagħha: "Iż-żieda fl-inflazzjoni - u partikolarment - iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija madwar l-UE qed jaffetwaw lill-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli."  

Il-Parlament jinnota li dan qed iwassal biex tiżdied l-inugwaljanza, tiggrava l-problema tal-faqar - speċjalment il-faqar marbut mal-enerġija. "Dan filwaqt li l-pagi mhumiex proġettati li jiżdiedu daqs kemm qed jiżdiedu l-prezzijiet, bil-ħaddiema jitilfu mid-dħul tagħhom u jaraw l-livell ta' għixien tagħhom jiggrava fix-xhur li ġejjin." Ifakkru li dan kollu wkoll se jwassal għal aktar pressjoni fuq il-politika soċjali u fuq benefiċċji.  

Ir-riżoluzzjoni tfakkar ukoll illi fl-2018 madwar 34 miljun ewropew ma kinux kapaċi u ma kellhomx il-flus biżżejjed biex isaħħnu djarhom. Skont sondaġġ fl-2019 - qabel il-pandemija - 6.9% tal-popli ewropej diġà kienu qed jindikaw li għandhom din id-diffikultà.  

Minkejja dawn l-effetti r-riżoluzzjoni taċċenna dwar l-importanza li jkunu approvati u adottati l-pakketti kollha ta' sanzjonijiet kontra r-Russja, u aktar minn hekk li jkun hemm grupp ieħor ta' sanzjonijiet li jinkludi: Projbizzjoni assoluta tal-importazzjoni taż-żejt mir-Russja u embargo assolut fuq l-importazzjoni tal-faħam, fjuwil nukleari u gass mir-Russja.  

Din ir-riżoluzzjoni fil-fatt tfakkar illi sal-lum il-ġurnata stess pajjiżi jew kumpaniji ewropej għadhom qed iħallsu madwar €800 miljun kuljum lir-Russja għat-trasportazzjoni ta' fjuwils, xi ħaġa li l-Parlament qed jgħid illi qed ikun mezz sabiex ir-Russja "tkompli tiffinanzja l-gwerra." 

Il-Parlament qed jappella wkoll lill-Kunsill Ewropew - u allura lill-mexxejja kollha tal-pajjiżi ewropej - sabiex jestendu il-lista ta' indivdwi russi li huma milquta minn dawn is-sanzjonijiet sabiex b'hekk jinkludu madwar 6,000 persuna oħra imsemmijin mill-Fondazzjoni Navalny, kif ukoll li s-sanzjonijiet ikunu estiżi għal entitajiet tal-midja li qed joperaw fl-UE.  

Għajnuna lill-kumpaniji basta l-flus imorru għal għajnuna lill-ħaddiema 

Intant ir-riżoluzzjoni dwar l-impatt tal-gwerra - li tfakkar illi fissret li 5.7 miljun persuna kellha titlaq mill-Ukrajna -  tagħmel diversi proposti oħrajn. Fosthom li istituzzjonijiet ewropej u stati membri jassiguraw li jkun hemm appoġġ finanzjarju lill-kumpaniji sabiex dawn jikkumbattu l-effetti ekonomiċi u l-gwerra. Dan iżda bil-kundizzjoni li dawn il-flus jmorru f'għajnuna għal-impjegati u ma jintużawx biex jingħataw bonuses lill-maniġment, biex ma titħallasx taxxa jew biex jitħallsu dividends.  

Ir-riżoluzzjoni qed tipproponi wkoll Pakkett ta' Għajnuna Ekonomika lill-kumpaniji żgħar u medji, fosthom b'aktar għajnuna finanzjarja u aktar flessibilità.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024